Kelli ftit opportunità li nkun Għawdex fil-weekends li għaddew, u speċjalment għax ġiet it-tifla minn barra. Ġabet l-għożża tagħha, lit-tifla li dalwaqt tagħlaq sninha, u li għalkemm twieldet u qed titrabba l-Ingilterra, għandha ċittadinanza qawwija f’Għawdex. Uriet ix-xewqa li tagħmel il-griżma Għawdex, u għalhekk mort inżur lill-ħabib tiegħi, Dun Mario, li hekk jafuh l-Għawdxin, aktar milli bħala l-Isqof Grech. Dun Mario għandu kariżma man-nies, u ma jgerrex lil ħadd. Ilu jieħu sehem fil-programm tiegħu fuq Radio One għal dawn l-aħħar 13-il sena, minn meta sar Isqof.
Dejjem żamm il-linja li hu Dun Mario, u Dun Mario għal kulħadd. Ma jfissirx għax jitkellem fuq Radio One qed ixejjer bandiera ta’ kulur politiku. Dejjem żamm mal-linja pastorali tiegħu. Bosta drabi jifhem u jagħder lil kulħadd. Darba ħasadni. Jien tkellimt fuq id-dagħa, u hu weġibni li ħafna nies ma jkunux verament qed jidgħu! Wara li ħsibt tajtu raġun, għax ħafna minn dawk li jgħidu kliem goff, ma jkunux iridu jżebilħu lill-Ħallieq.
Raquel, it-tifla tat-tifla, ħarġet ferħana migħandu.
Għawdex dejjem għaddej. Fil-pjazez tal-irħula, attività kullimkien. U li osservajt li l-ħwienet fejn tiekol għadhom f’idejn l-Għawdxin, u mhux se jmejlu rashom għal ħadd. Il-każini tal-baned u oħrajn bħal tal-football huma ristoranti li jkollhom in-nies, u mhux tar-raħal biss. Insomma, l-Għawdxin jafu fejn għandhom imiddu l-pass u kemm għandhom imidduh.
La qed nitkellem fuq in-neputija, din tkun l-Ingilterra meta tagħlaq sninha. Marti riedet li nagħmlulha festin u cake waqt li qiegħda hawn. Naf li l-Għawdxin kapaci, u staqsejt fejn nista’ nordna cake. Issuġġerweli għand Eman tax-Xagħra. Minn fuq it-telefon, spjegajna xi xtaqet it-tifla, u ttamajna li kollox jiġi żewġ. Morna ġbarna l-cake, u kien jidher li kollox sew, imma meta ttiekel, u konna 15-il ruħ, kulħadd qal xi tjubija. Jien sifirt u doqt ikel. Bħal dak il-cake doqt fi Franza, bnin u ħafif. Jagħmlu żball l-Għawdxin jekk ma jemmnux fihom infushom.
Naturalment, f’Għawdex għandi ħbieb tiegħi mill-imgħoddi tiegħi. Il-patrijiet Franġiskani, li jgħidulhom il-patrijiet tax-Xatt. Għamlu ikla buffet u mort u ħadna gost. U l-quddiesa hemm tal-Ħadd fil-11:00 hija meravilja. Il-knisja mimlija daqs bajda, imma bl-ajra kundizzjonata. Kelli speċi ta’ diskursata fuq ir-radju ma’ Dun Mario, u qalli li ħafna drabi l-liturġija tinstema’ monotona. Irrid ngħidlu jmur sal-knisja ta’ Sant’Antnin, u jisma’ l-kant ta’ żewġt aħwa Albert-Lauren Agius u oħtu Loredana. L-ewwel darba bqajt meraviljat, u dħalt is-sagristija nkellimhom. Il-patrijiet bdew jgħiduli fuq li Albert-Lauren rebaħ San Remo f’Malta u mar barra, u ta’ Għawdxi li hu għamel suċċess fil-kant. Issa rajt fuq Facebook tal-patrijiet Franġiskani ta’ Għajnsielem li Albert-Lauren se jikkompeti fil-Eurovision taż-żgħar. Inħalli f’idejkom meta tisimgħuh.
Għawdex veru għandu s-seħer tiegħu. Il-Vanġelu qrah patri bl-aċċent barrani. Wara tkellimt ma’ Patri Alfred Sciberras, li kien ftit qabli u għad għandu ritratt tiegħi meta kont novizz, u qalli li dan hu professur Ġermaniż tal-ilsna semitiċi u ġie hawn biex jitgħallem fuq il-Malti. Għamel sew għażel Għawdex, għax anke l-ilsien Malti jibżgħu għalih.
Dan kollu jfisser li huwa dmir tagħna li nibżgħu għal Għawdex u għall-Għawdxin.