Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet mistiedna għal konferenza f’Capri, organizzata mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, bl-għan li tiġi promossa l-gżira Għawdxija bħala destinazzjoni unika u ta’ kwalità.
Waqt din il-konferenza, il-Ministru Caruana elenkat il-ħidma li għaddejja mill-Ministeru għal Għawdex biex aktar turisti ta’ kwalità jiġu attirati lejn Għawdex, u dan wara li l-isfida tal-istaġjonalità ġiet megħluba. Il-Ministru għal Għawdex qalet li din l-isfida ma ġietx megħluba b’kumbinazzjoni iżda bi pjan ċar u b’saħħtu fejn fost l-oħrajn, il-ministeru investa bis-sħiħ fl-infrastruttura, il-konnettività u f’kalendarju kulturali ta’ kwalità u vast, mifrux matul is-sena kollha. Il-Ministru Caruana qalet li bejn il-gżira ta’ Capri u dik ta’ Għawdex hemm ħafna sitwazjonijiet simili ewlenin fostom dik tal-konnettività u l-problemi li jġib miegħu t-turiżmu tal-massa.
Il-Ministru Caruana spjegat ukoll il-viżjoni riveduta li qed tiġi implimentata fir-rigward tal-kunċett ta’ EkoGħawdex. Hija qalet li Ghawdex miexi bi pjanar serju u żvilupp sostennibli li jikkumplimenta din il-viżjoni, biex Għawdex jibqa’ jgawdi il-pajsaġġ naturali tiegħuli jiddistingwih minn Malta. Semmiet fost oħrajn proġetti kapitali marbuta mal-kunċett ta’ EkoGħawdex, ewlenin fosthom ir-riabilitazzjoni tal-widien, id-decarbonistation strategy li ser tiġi implimentata permezz tal-ewwel proġett ta’ Park & Ride, u l-introduzzjoni ta’ electric buses.
Is-Sindku ta’ Capri, Marino Lembo qal li jħossu onorat bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex f’Capri. Hu qali li Capri, bħal Għawdex, hu dipendenti ħafna fuq is-settur turistiku u għalhekk dan is-settur irid jiġi protett u sostnut. Is-Sindku Lembo awgura li permezz ta’ din il-konferenza jingħata bidu għal aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ gżejjer Mediterranji.
Il-Ministru Justyne Caruana kella wkoll laqgħa mas-Sindku ta’ Napli Luigi de Magistris, fejn ukoll ġiet enfasizzata l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet biex nimxu lejn turiżmu sostenibbli u kwalitattiv.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Caruana kellha laqgħa mad-Diriġenza tal-Mużew ta’ Capodimonte, diversi entitajiet impenjati fil-prodott turistiku, kif ukoll diversi operaturi sabiex jiġi promoss Għawdex.