Stimi proviżorji dwar il-Prodott Domestiku Gross fir-reġjun ta’ Għawdex jindikaw li matul is-sena li għaddiet, Għawdex ikkontribwixxa 4.2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross li jilħaq kważi €473.4 miljun.
L-istimi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-valur miżjud f’Għawdex żdied bi tnejn fil-mija aktar minn Malta.
Iż-żieda f’Għawdex kienet ta’ 10.9 fil-mija filwaqt li f’Malta kienet ta’ 9 fil-mija.
L-NSO qal li bħal f’Malta, kważi l-industriji kollha f’Għawdex irreġistraw titjib fl-2017 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Joħroġ ukoll li matul l-2017, l-industriji kollha f’Malta rreġistraw żieda fl-impjiegi meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-ikbar żieda fl-impjiegi ġiet irreġistrata fl-industriji tal-arti u d-divertiment, tiswiijet fid-djar u fl-oqsma professjonali, xejntifiċi, attivitajiet tekniċi u amministrattivi b’rata ta’ tkabbir li taqbeż l-10 fil-mija.
Bl-istess mod, l-industriji kollha f’Għawdex irreġistraw żiedet fl-impjieg matul l-2017.
L-akbar żidiet ġew irreġistrati fl-attivitajiet ekonomiċi relatati ma’ attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi. Żidiet oħrajn kienu rreġistrati fl-oqsma amministrattivi u servizzi ta’ informazzjoni li juru rati ta’ tkabbir ta’ kważi 30 fil-mija u 25 fil-mija rispettivament.