F’Novembru li għadda wasslu pajjiżna ‘l fuq minn 142,000 turist. Bla dubju dan huwa numru ta’ wasliet rekord għax-xahar ta’ Novembru, u issarraf fi tkabbir ta’ 24% fuq l-ammont li ġie rreġistrat f’Novembru tal-2015.
Dan huwa riżultat stupend meta niftakru li f’Novembru tal-2015 Malta esperjenzat influs qawwi ta’ delegazzjonijiet barranin b’konnessjoni maċ-CHOGM u mal-Valletta Summit. Għax-xahar ta’ Novembru dan huwa tkabbir bla preċedent sa minn mindu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) beda jiġbor u jikkompila l-istatistika dwar it-turiżmu permezz tat-Tourstat Survey sa mill-2003.
Fl-indirizz tiegħu waqt żjara fi tliet lukandi u żewġ ristoranti ġewwa Għawdex, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li “dan it-tkabbir hu aktar mid-doppju mit-tkabbir li kien reġistrat fl-istess xahar is-sena l-oħra. Aktar minn hekk in-numru ta’ wasliet rrekordjati f’Novembru li għadda huwa kważi 63% aktar min-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna fl-aħħar Novembru ta’ gvern preċedenti, jiġifieri dak tal-2012.”
Il-Ministru Zammit Lewis kompla jgħid li din hi kisba oħra kruċjali fil-kullana ta’ suċċessi li qed jirnexxielna nirreġistraw xahar wara xahar, partikolarment fix-xhur xitwin, biex inkomplu nikkonfermaw kemm pajjiżna irnexxielu jegħleb l-isfida tal-istaġġjonalità u bil-provi qed jaqta’ l-frott mill-ħidma mwettqa sabiex it-turiżmu f’pajjiżna jsir aktar sostenibbli, billi ż-żieda fin-numru tat-turisti jinfirex max-xhur kollha tas-sena, u mhux biss jikkonċentra fl-istaġun tas-sajf.
Huwa nteressanti l-fatt li f’Novembru li għadda, in-numru ta’ wasliet diġà qabeż it-total reġistrat f’sena sħiħa tal-2015, hekk kif bejn Jannar u Novembru 2016 waslu aktar minn 1,892,000 turist. L-infieq turistiku fl-ewwel 11-il xahar tas-sena li għaddiet kif spiċċat laħaq il-€1.646 biljun, u anki hawn fl-infieq turistiku diġà inqabeż l-ammont li ġie rrekordjat f’sena sħiħa fl-2015, filwaqt li tħalla mal-€61.3 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija meta mqabbel mal-ewwel 11-il xahar tal-2015.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li dan is-suċċess qed jinħass sew fil-gżira Għawdxija wkoll, kif inhu xieraq. Minn kalkoli konservattivi l-Gvern qed jipproġetta li fl-2016 il-viżitaturi barranin li żaru Għawdex għandhom ilaħħqu il-1.1 miljun.
It-turisti barranin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar f’Għawdex fis-sena li għaddiet se jiżdiedu bi kważi 8% fuq l-2015, hekk kif l-iljieli mqatta’ ġewwa Għawdex minn turisti barranin huma proġettati li fl-2016 telgħu għal 1.091 miljun lejl.
F’din iż-żjara fl-gzira Għawdxija, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kien akkumpanjat mill- Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Paul Bugeja, flimkien mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu Vincent Muscat.