Permezz ta’ sensiela ta’ attivitajiet, il-Ministeru għal Għawdex fakkar il-vittmi tal-Assedju tal-1551 li huwa l-ikreh paġna fl-istorja ta’ Għawdex. F’dak l-Assedju eluf t’Għawdxin sfaw vittmi ta’ attakk feroċi li wassalhom għall-jasar u l-mewt.
Kien għalhekk li din is-sena l-Ministeru għal Għawdex ta importanza kbira lil din it-tifkira għax jemmen li minkejja li dan huwa episodju ikrah, huwa parti mill-istorja ta’ ġensna li ma rridux ninsew. Żewġ attivitajiet prominenti biex ifakkru dan kienu; wirja tal-arti tal-Kav. Camilleri Cauchi u l-Ballata ta’ Gianninu Cremona – żewġ artisti ulied il-gżira Għawdxija.
Il-messaġġ tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana f’dawn iż-żewġ okkażjonijiet kien li m’aħniex infakkru din il-ġrajja b’xi ċelebrazzjoni, anzi hija ġrajja ta’ mistħija għal dawk li suppost kienu responsabbli li jipprovdu protezzjoni lill-Għawdxin. Hija ddeskriviet din it-traġedja bħala lolokawst Għawdxi. Dr Caruana qalet li din il-ġrajja tfakkarna fit-tbatijiet li għaddew minnhom missirijietna għaliex propju kienu jgħixu fil-gżira żgħira ta’ Għawdex, mingħajr difiża adekwata u mingħajr ir-riżorsi meħtieġa u l-poplu Għawdxi ġarrab tensjoni, tbatija, firda u mewt.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li qegħdin infakkru din il-ġrajja propju fejn seħħet 466 sena ilu, fiċ-Ċittadella li dakinhar kienet bil-wisq differenti minn dik tal-lum. Iżda minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, jekk inħarsu madwarna, reġa’ feġġ is-sentiment ta’ biża’ kkaġunat mill-estremiżmu u t-terroriżmu u dan li għexu missirijietna waqt l-eżodu furzat tal-1551.
Il-Ministru Caruana fakkret li llum dan qed jgħixuh eluf oħra li ta’ kuljum qed jaqsmu l-baħar Mediterran biex jaħarbu millpersekuzzjoni bl-isperanza ta’ ħajja aħjar u bl-ibħra tagħna jispiċċaw qabar għal ħafna minn dawn leluf. Hija kompliet tappella kemm huwa importanti li nkomplu nfakkru dawn il-ġrajjiet biex nitgħallmu dwar min aħna u minn fejn ġejjin, imma fuq kollox biex nifhmu iktar dak li qed jiġri madwarna b’sens ta’ solidarjetà u ġustizzja u b’rispett lejn it-tbatija li għaddew minnha missirijietna.