Fl-okkażjoni tal-World Blood Donor Day, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaret il-facilità l-ġdida tal-Blood Donation Unit fix-Xewkija.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru ltaqgħet mal-ħaddiema u mad-donaturi li kienu preżenti. Justyne Caruana saħqet dwar il-fatt li f’Għawdex għandna l-iktar persentaġġ għoli ta’ donaturi f’pajjiżna u dan jixhed kemm kienet deċiżjoni għaqlija li fl-aħħar f’Għawdex ikollna dawn il-faċilitjiet ġodda li ġew inawgurati ftit tal-ġranet ilu mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Mill-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru ma waqfitx il-konkorrenza tal-għoti tad-demm, u l-Ministru għal Għawdex saħqet dwar il-ħtieġa li naħdmu katina waħda biex inqajmu iktar kuxjenza dwar l-importanza tal-għoti tad-demm u fl-istess waqt nirrikonoxxu l-kontribut li jagħtu d-donaturi ma’ kull sejħa li ssir.
Kull qatra demm tgħodd u ħafna ħajjiet ġew salvati grazzi għall-ġenerożità tad-donaturi. Xieraq għalhekk li f’din il-ġurnata partikolari nroddu ħajr lil dawk kollha li matul is-snin taw id-demm u għenu tant nies.