Sa issa, kull test li sar għall-Coronavirus f’Għawdex, irriżulta fin-negattiv.
Bil-għan li Għawdex jibqa’ ħieles mill-Coronavirus, qed jiżdiedu l-miżuri u l-isforzi tal-Ministeru għal Għawdex.
Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa bdew jiġu ffumigati l-vapuri kollha tal-Gozo Channel, u dan se jibqa’ jsir kull lejl b’mod indefinit.
Dan biex waqt li l-vapuri jkunu vojta jiġu diżinfettati ħalli titnaqqas il-possibilità li l-virus jinfirex.
Minkejja dan, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina appella biex jiġu evitati traġitti bla bżonn bejn iż-żewġ gżejjer.
Is-Sur Cordina spjega: “Nappella biex it-trasport bejn Malta u Għawdex jinżamm biss għall-bżonn u jiġi evitat traveling li ma jkunx meħtieġ.”
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar miżuri u inċentivi li qed jittieħdu fil-gżira Għawdxija biex Għawdex jibqa’ ħieles mill-Coronavirus, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar li beda jsir screening tal-passiġġieri kollha li jaqsmu l-fliegu.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Screening tal-passiġġieri kollha, kemm dawk bir-riġel kif ukoll dawk li se jkunu qed jimbarkaw bil-karozzi, sabiex jekk jinstab persuna li jew esperjenzat is-sintomi jew inkella tirriżulta li kienet f’kuntatt b’xi mod ma’ dan il-virus, din il-persuna ma titħalliex timbarka fuq il-vapur.”
Il-Ministru spjega li uffiċjali ta’ Transport Malta mhux iħallu dgħajjes tat-turisti jħottu n-nies fuq il-mollijiet, jiġifieri l-unika mezz biex persuna tidħol f’Għawdex huwa bil-vapur tal-Gozo Channel li fuqu qed isir screening ta’ kull passiġġier.
Fakkar li jekk jinstab każ f’Għawdex, il-pazjent jiġi trasportat b’vapur chartered apposta lejn Malta.
Iżda xorta qed issir ħidma biex Għawdex ikun lest għal kull eventwalità.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Qegħdin nassiguraw flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa, flimkien ma’ Steward Healthcare, flimkien mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, biex ikollna ammont ta’ sodod sostanzjali sabiex il-kura, jekk ikun hemm bżonn, tingħata fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex stess.”
Ħaddiema fis-settur pubbliku li jaħdmu fil-Ministeru għal Għawdex u jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom minn darhom, qed jaħmlu dan.
Minkejja dan, madwar tlett elef persuna kuljum jaqsmu l-fliegu biex jaħdmu f’Malta u għaldaqstant l-appell hu biex min iħaddem, jikkunsidra t-teleworking għall-ħaddiema li jgħixu Għawdex.