Inqas minn ġimgħa wara li kien elett Mexxej Laburista u maħtur Prim Ministru, il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ntlaqa’ b’merħba mill-isbaħ fir-Rabat Għawdex.
Fl-għodwa tas-Sibt l-Għawdxin niżlu sal-Pjazza tat-Tokk sabiex isellmu lill-Mexxej il-ġdid, filwaqt li jieħdu xi ritratt jew jgħidu kelmtejn.
Imdawwar bid-Deputati Għawdxin tal-Partit Laburista, Dr Abela stqarr li Għawdex se jkun fil-qofol ta’ ħidmietu.
Il-Prim Ministru stqarr: “Ftit ġimgħat ilu, tlabtuni xi ħaġa. Tinsiex ‘il Għawdex. U tajtkom kelma li Għawdex se jkun fuq quddiem nett tal-ħsibijiet u l-pjanijiet tiegħi. Illum qiegħed hawn biex inżomm kelmti magħkom.”
Il-Prim Ministru saħaq kif din l-aħħar ġimgħa kienet waħda impenjattiva, ġimgħa fejn kellhom jittieħdu ċertu deċiżjonijiet. Huwa qal: “Kien hemm deċiżjonijiet iebsin li riedu jittieħdu iżda ħadnihom. Ġimgħa fejn rajna ħafna fiduċja min-nies b’mod tanġibbli.”
Il-Prim Ministru Abela nnota wkoll li fi ftit sigħat wara li ntemmet it-tellieqa għat-tmexxija tal-partit, il-partit ingħaqad mill-ewwel filwaqt li ħaddieħor baqa’ jitkisser.
Dr Abela tenna: “Ħriġna aktar b’saħħitna. Dan hu mertu tagħkom. Mertu ta’ kemm tħobbu lill-partit, ta’ kemm għaraftu li aħna partit wieħed, niġbdu ħabel wieħed. U dan kollu grazzi għalikom. Mhux ta’ b’xejn inħobbkom.”
Robert Abela tkellem ukoll dwar il-ħatra tal-kabinett li tant hu kburi biha. Sostna li hemm il-ħeġġa biex isir ix-xogħol, hemm il-kuraġġ biex isir il-ġid filwaqt li jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu.
Il-Prim Ministru saħaq: “Deċiżjonijiet li kollha huma bbażati fuq il-valuri tal-onestà, fuq il-valur tas-serjetà, fuq il-valur tal-integrità, li nżommu bilanċ bejn il-valuri, il-valuri tat-tkabbir ekonomiku u rridu nibqgħu naħdmu fuq it-tkabbir ekonomiku. Beħsiebni nibda mmur jien stess fil-komunità tal-businesses. Mhux qed nistennew li n-negozji jiġu għandna. Aħna se mmorru għand in-negozju.”
Il-Prim Ministru emfasizza li pajjiżna jista’ verament jibqa’ miexi ‘l quddiem, partikolarment Għawdex.
Semma kif is-sena l-oħra kien hemm 1,400,000 passiġġier li qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex u kif dawn huma figuri bla preċedent. Għall-infrastruttura, saħaq li sar ħafna xogħol iżda fadal x’isir.
Dwar l-iżvilupp sostenibbli, Robert Abela fisser kif għandna nibżgħu għall-ambjent filwaqt li l-iżvilupp sostenibbli jibqa’ miexi ‘l quddiem b’mod intelliġenti.
Fuq kollox, il-Prim Ministru assigura li jrid jara li l-ġid li jinħoloq, jitqassam ma’ kulħadd. Hu tenna: “In-nies jgħixu bil-flus fil-but u dak li rridu nassiguraw aħna. Kwalità ta’ ħajja għan-nies, aktar flus fil-but tan-nies, aktar ġid li jitqassam bejn kulħadd.”
Din hija l-ambizzjoni tal-Gvern, iżda ma jistax jagħmilha l-Gvern waħdu. Għalhekk, il-Prim Ministru reġa’ appella għall-għaqda lill-poplu.
Il-Prim MInistru sostna: “Ejjew ħalli din tkun il-proġett tagħna. Il-proġett ta’ poplu Malti wieħed, proġett ta’ pajjiż magħqud. Pajjiż ikaraterizzat bl-għaqda nazzjonali, l-għaqda ta’ pajjiż wieħed. L-għaqda ta’ Malta waħda, l-għaqda ta’ Għawdex wieħed. L-għaqda ta’ poplu wieħed, l-għaqda li tikkaraterizzana.”
Dan, fil-fatt, għandu jkun l-għan ewlieni tagħna.
Il-Prim Ministru temm jappella: “Ejja ħa nibqgħu magħqudin. Ejja ħa nibqgħu kuraġġużi. Ejjew ħa nibqgħu nemmnu fit-tama għal pajjiż aħjar, fit-tama għall-futur aħjar. Flimkien nimxu ‘l quddiem.”