F’seduta parlamentari ddedikata lil Għawdex, bosta rappreżentanti ta’ entitajiet mhux goveranttivi Għawdxin tkellmu b’mod miftuħ dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali f’Għawdex.
Bosta rappreżentanti għarrfu l-ħidma li qed issir biex tkompli titjib l-aċċessibilità tal-gżira, l-investiment bla preċedenti fit-toroq b’nefqa ta’ €10 miljun u fuq kollox l-investiment kapitali li qed isir fosthom fl-iskola medika ta’ Barts.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex Paul Scicluna tkellem dwar il-ħtieġa ta’ oqsma ekonomiċi ġodda u sostna li l-iskola medika ta’ Barts hija eżempju ħaj ta’ kif Għawdex tpoġġa fuq il-mappa dinjija.
Scicluna sostna: “Eżempju ħaj u awtentiku huwa l-iskola medika ta’ Barts, li l-bini tagħha nfetaħ f’dawn l-aħħar jiem. Din in-niċċa medika poġġiet lil Għawdex fuq il-mappa mondjali tal-mediċina. Żgur li fil-futur qrib se tikkontribixxi mhux biss fuq livell mediku imma anke turistiku.”
Il-President tal-Grupp tal-Istudenti Għawdxin, il-GUG Renee Formosa laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li s-sussidju lill-istudenti jibda jingħata kull xahar flok kull tliet xhur. Hija qalet: “Riċetement dan is-sussidju beda jingħata kull xahar minflokk kull tlett xhur sabiex jkun jista jiffaċilita iktar l-ispejjes tagħna l-istudenti.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex, Joseph Borg laqa’ d-dħul tar-raba’ vapur fil-flotta tal-Gozo Channel u appella biex bla telf ta’ żmien jibda l-proġett tal-mina fil-fliegu bejn Malta u Għawdex.
“Fuq kollox il-kamra tan-negozju ta’ Għawdex temmen li jekk irridu nsaħħu effitavament l-attrattiva tal-ġzira tagħna biex iseħħ l-investiment li investiment li rrid issir fiha rridu nwaqqa’ darba għal dejjem l-ostakali li jpoggu lil gżira tagħna f’ żvantaġġ. Il-mod aħħari li bih jingħelbu id-diffikulatjiet prinċipali huwa li minn issa u bla dewmien jingħata bidu għal-proġett tal-mina minn qiegħ il-baħar”, qal Borg.