Għawdex għandu ammont biżżejjed ta’ pannelli li jagħmlu lill-gżira dipendenti ferm aktar fuq enerġija nadifa, b’ħinijiet fejn din saħansitra qed taħdem għal kollox fuq dak iġġenerat minn sorsi naturali.
Dan tħabbar waqt li tnieda fond ġdid ta’ €10 miljun, li se jkun qed iqassam għotjiet t’appoġġ lill-familji għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-qalba lejn is-sostenibilità fi djarhom.
Dawn l-iskemi, imnedija t-Tnejn waranofsinhar, huma amministrati mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-REWS, se jaraw li jiġu installati iżjed sistemi fotovoltajiċi u soluzzjonijiet għall-ħażna tal-elettriku.

U anke biex jissaħħaħ iżjed l-aspett ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli, permezz ta’ installazzjonijiet ta’ aktar batteriji fid-djar, anke b’benefiċċju addizzjonali għall-familji f’Għawdex. Dan hekk kif kull min jinstalla ħażna tal-elettriku jista’ jibbenefika minn żieda fl-għotja li tingħata, li se tkun ta’ 95% sa massimu ta’ €8,550.
Fit-tnedija tal-iskemi, il-Ministru responsabbli mis-settur, Miriam Dalli, spjegat kif dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern lejn ambjent aktar nadif u komunitajiet aktar sostenibbli, inkluż fil-mixja biex Għawdex jiġi dikarbonizzat qabel Malta.
“Is-sena li għaddiet, konna tajna appoġġ b’saħħtu ħafna sew biex il-familji Maltin, b’mod partikolari, imorru għar-rinnovabbli, imma anke biex iżidu magħhom il-batterija domestika, jiġifieri l-batterija li taħżen l-enerġija nadifa li dik id-dar qegħda tipproduċi. Dik l-iskema wasslet biex kellna aktar minn 2,000 applikazzjoni s-sena li għaddiet biss u, allura, se nżommu dik l-iskema b’saħħitha però rridu li nagħtu għajnuna addizzjonali din id-darba lil Għawdex.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Karatteristiċi ewlenin tal-iskema jinkludu feed-in-tariff ta’ 10.5ċ għal kull unit għal 20 sena u proċess ta’ applikazzjoni ssimplifikat b’approvazzjoni immedjata għall-applikazzjonijiet tal-Parti A.
Il-kategoriji jinqasmu f’erbgħa li fosthom li sidien ta’ pannelli b’inverter standard ikollhom 50% tal-ispejjeż koperti, sa’ massimu ta’ €2,500 għal kull sistema.
L-istess għal dawk b’inverter ibridu b’għotja li tkopri sa’ massimu ta’ €3,000 għal kull sistema. F’każ ta’ inverter ibridu u ħażna tal-elettriku, il-Gvern se jkopri 80% tal-ispejjeż tal-batterija, fuq infiq sa massimu ta’ €7,200 u 80% fuq l-sipejjeż tal-inverter, sa massimu ta’ €1,800.
F’każ ta’ ħażna tal-elettriku biss l-Gvern se jagħmel tajjeb għall-80% tal-ispejjeż tal-batterija sa massimu ta’ €7,200.
Kategoriji tal-għotjiet
Għażla | Tip ta’ Sistema | Għotja |
A | PV b’inverter standard | 50% tal-ispejjeż eliġibbli, sa €2,500 għal kull sistema (€625/kWp) |
B | PV b’inverter ibridu | 50% tal-ispejjeż eliġibbli, sa €3,000 għal kull sistema (€750/kWp) |
C | Inverter ibridu + ħażna tal-elettriku | 80% tal-ispejjeż tal-batterija, sa €7,200 (€720/kWh) + 80% tal-ispejjeż tal-inverter, sa €1,800 (€450/kWp) |
D | Ħażna tal-elettriku | 80% tal-ispejjeż tal-batterija sa €7,200 (€720/kWh) |
Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġinier Marjohn Abela semma kif l-Iskema RES 2024 kienet kruċjali fl-avvanz tal-enerġija rinnovabbli f’Malta fejn b’aktar minn 2,500 applikazzjoni, din l-iskema għenet fl-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi u soluzzjonijiet ta’ ħażna tal-enerġija f’diversi setturi.
Apparti dan kollu, qed tinħareġ ukoll skema ġdida għall-feed-in tariff, li tipprovdi benefiċċji għal sistemi fotovoltajċi taħt il-40 kilo Watts per hour, bil-feed-in-tariff tkun ta’ €0.15 kull kWh għal 20 sena u ma tinkludix il-grant.
Tkellimna ma’ Owen Ellul, Kap tad-Dipartiment tal-Kompetenza, il-Liċenzjar u l-Inforzar tar-REWS, li qal li l-investimenti fl-aħħar snin żiedu ħallew impatt qawwi fis-settur.
“L-enerġija flok tiġi esportata lejn il-grid, ħa tkun qed tiġi storjata fil-batteriji nnifishom biex ovvjament tkun qed tintuża filgħaxijiet fejn is-sistema tal-PV tkun mitfija u, għaldaqstant, l-applikant jew il-benefiċċjarju jkun qed jikkonsma l-enerġija li hu jkun iġġenera matul il-ġurnata tiegħu hu stess.”
Owen Ellul, Rews
Il-proċess tal-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi ġodda wkoll ġie simplifikat iżjed b’approvazzjoni awtomatika għall-ewwel parti tal-proċess u hu miftuħ għal djar, organizzazzjonijiet komunitarji u negozji bejn il-25 ta’ Frar sa tmiem is-sena jew sakemm jintużaw il-fondi kollha allokati.