Il-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) iffirmaw ftehim dwar il-livell ta’ servizz, li jwassal lill-Awtorità biex tiftaħ fergħa f’Għawdex.
Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Gvern hu kommess li joffri aktar impjiegi u opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex u huwa impenn tal-Ministeru għal Għawdex li iktar ħaddiema Għawdxin jiġu jaħdmu f’Għawdex.
Permezz ta’ dan il-ftehim il-ġdid għalhekk ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu mal-Awtorità f’Malta issa ser jibdew jaħdmu f’Għawdex. Żiedet tgħid li preżentament għaddejjin diskussjonijiet biex aktar dipartimenti tal-Gvern, awtoritajiet u agenziji jiftħu fergħat f’Għawdex u dan iwassal biex l-impjegati, li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta għax-xogħol ikollhom xogħol f’Għawdex u fl-istess waqt ikunu qed jiżdiedu s-servizz f’Għawdex stess.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kkonkludiet li dan kollu hu parti mill-istrateġia għal Għawdex li se tkun fdata f’idejn l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex biex f’Għawdex jinħolqu aktar impjiegi sostenibbli.Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li bil-ftuħ ta’ din il-fergħa f’Għawdex l-MCCAA qed tkompli tagħmel id-differenza biex inkunu aktar viċin in-nies.
L-MCCAA għandha rwol ewlieni fit-tkabbir ekonomiku tal-gżejjer Maltin u fis-suq, fejn il-konsumaturi jingħataw termini kummerċjali ġusti, prodotti siguri u servizzi ta’ kwalità. L-Awtorità tkopri firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet u servizzi permezz tal-erba’ entitajiet fi ħdanha: l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, id-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi u l-Istitut għall-Istandards u l-Metroloġija.
L-Awtorità preżentament twettaq kemm attivitajiet ta’ sorveljanza kif ukoll ċertifikazzjoni tas-suq f’Għawdex u l-impjegati jkollhom jivvjaġġaw minn Malta għal Għawdex biex iwettqu dawn l-attivitajiet.
Bħalissa l-preżenza tal-MCCAA f’Għawdex hija limitata li toffri assistenza għall-ilmenti tal-konsumatur mill-bini tal-Ministeru għal Għawdex.
Permezz tat-tisħiħ tal-preżenza tagħha f’Għawdex bil-ftuħ ta’ uffiċċju modern u spazjuż, l-Awtorità se tipprovdi lill-impjegati Għawdxin l-opportunità li jaħdmu minn Għawdex stess u jiffrankaw l-ivvjaġġar ta’ kuljum bejn iż-żewġ gżejjer. Dan l-uffiċċju se jipprovdi one-stop-shop għas-servizzi kollha offruti mill-MCCAA lill-konsumaturi u s-settur tan-negozju.
Matul l-indirizz tagħha, iċ-Chairperson tal-MCCAA l-Inġ. Helga Pizzuto, spjegat kif l-uffiċċju l-ġdid se jippermetti lill-MCCAA biex:
- Jipprovdi tixrid u interazzjoni aħjar ta’ informazzjoni mal-partijiet interessati u l-pubbliku inġenerali;
- Jipprovdi servizzi ta’ assistenza għall-konsumatur;
- Jipprovdi helpdesk rigward l-importazzjoni ta’ kimiċi, pestiċidi u prodotti li jitqiegħdu fuq is-suq;
- Joffri servizzi ta’ kalibrar, ċertifikazzjoni u ttestjar speċifiku; u
- Jipprovdi uffiċċju għar-rappurtaġġ u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet imwettqa f’Għawdex u bażi għall-impjegati li jkunu qed jivvjaġġaw minn Malta.
L-uffiċċju l-ġdid, li se jokkupa aktar minn 220 metru kwadru fi Triq Sant’ Eliżabetta, ix-Xewkija huwa maħsub biex jiftaħ uffiċjalment il-bibien sa tmiem din is-sena. L-uffiċċju se joffri oqsma mmirati biex jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti. Se jipprovdi wkoll opportunità lill-impjegati Għawdxin tal-MCCAA biex jaħdmu mill-uffiċċju ta’ Għawdex filwaqt li jiffaċilita l-opportunitajiet ta’ impjieg għall-Għawdxin li jixtiequ jaħdmu mal-Awtorità. Se jkun hemm receptionist fl-entratura biex tiggwida lill-konsumaturi kif xieraq.