Il-gżira Għawdxija għandha l-potenzjal li tkun gżira ambjentalment nadifa u sservi ta’ proġett pilota sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-enerġija innovativa, smart-grids, mobbiltá elettrika u teknoloġiji oħra li huma ambjentalment innovativi.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Miriam Dalli qalet dan waqt li kienet qed tindirizza attivitá fi stabbiliment f’Għawdex bħala parti mill-laqgħat li qed tagħmel madwar Malta u Għawdex.
Dalli qalet kif filwaqt li tagħraf l-isfidi li jista’ jkollha gżira bħal Għawdex minħabba li ma tmissx ma’ artijiet oħra u f’ċertu każi tista’ anke’ tkun iżolata, dan jista’ joffri opportunitajiet kbar. Hija spjegat kif fi gżira bħal Għawdex teknoloġiji ġodda, proċeduri u anke servizzi huma aktar faċli sabiex jiġu installati, ttestjati u implimentati.
Dalli qalet li viżjoni bhal din hija fattibbli u saħqet fuq l-importanza li noħolqu inizjattivi għal investimenti f’enerġija nadifa kif ukoll għall-bini ta’ infrastruttura addatata. Barra minn hekk, Dalli spjegat li sabiex insostnu din il-qalba għall-enerġija nadifa, meħtieġa pjanijiet konkreti u dettaljati dwar l-enerġija u l-klima li jservu bħala gwida. Fuq kollox, irid ikun identifikat investiment kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat biex tkun tista’ ssir it-transizzjoni għall-enerġija nadifa.
Waqt din l-attivitá, l-ewroparlamentari tkellmet ukoll dwar diversi suġġetti fosthom il-miżuri fil-budget 2018 għal aktar ħolqien tax-xogħol f’Għawdex, il-mina bejn Malta u Għawdex u l-problemi ta’ kirjiet għoljin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom għadd ta’ studenti Għawdxin li joqgħodu Malta kif ukoll dwar il-programmi ta’ fondi ewropej.