Il-gżira ta’ tliet għoljiet issa għandha pjan għar-riġenerazzjoni tat-turiżmu li se jirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni unika fil-Mediterran u mhux biss parti minn Malta.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarjiet fejn ġie spjegat kif din il-kampanja se tiffoka biex jiġu turisti minn pajjiżi Ewropej b’mod prinċipali.
Fl-istess konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna kif is-sit VisitGozo se jibda jiġi rreklamat fuq trams f’Berlin u Frankfurt, flimkien ma’ reklamar diġitali fuq il-midja soċjali u televixin. Ħabbar ukoll kif din is-sit ra tibdil estensiv fid-dehra tiegħu filwaqt li se toffri aktar informazzjoni fuq Għawdex.
Il-Ministru stqarr li dan kollu jista’ jsir għax il-pajjiż qiegħed f’pożizzjoni fejn jista’ jiftaħ għat-turiżmu u għalhekk, il-Gvern ħaseb sabiex jirreklama lil Għawdex ukoll bħala destinazzjoni turistika.
Qal, “Dan propju sabiex issa li wasalna għall-ftuħ tat-turiżmu estern, naraw li Għawdex ikun qed igawdi bis-sħiħ minn dan it-turiżmu. Għaldaqstant se nkomplu naħdmu b’kampanja t’aktar reklamar u promozzjoni, kampanja wkoll fejn fl-aħħar mill-aħħar rajna anke VisitGozo ġiet rebrandING mill-ġdid sabiex propju nkomplu nattiraw aktar turiżmu lejn din il-gżira.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat, sostna li l-inizjattivi varji tal-Gvern għar-riġenerazzjoni ekonomika kienu kruċjali għal Għawdex, iżda din il-kampanja ta’ reklamar internazzjonali hija maħsuba li se żżid mal-irkupru t’Għawdex.
Spjega, “Kienu d-diversi inizjattivi li ħa l-Gvern matul dawn is-sena u nofs li permezz tagħhom kompla jgħin lis-settur tursitiku sabiex jikkumbatti dan-nuqqas ta’ turiżmu fil-gżejjer Maltin. Is-settur turistiku Għawdxi apparti li bbenefika minn dawn id-diversi miżuri li ttieħdu u laqtu d-diversi setturi turistiċi fosthom l-akkomodazzjoni, ristoranti, skejjel tal-lingwi kif ukoll iċ-ċentri tal-għadis, kienu lkoll setturi reżiljenti. ”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qal li Għawdex għadda minn żmien ta’ sfidi kbar tul din il-pandemija, iżda dawn ġew indrizzati bid-diversi miżuri t’għajnuna tal-Gvern.
Qal, “Ovvjament daż-żmien li kellna dan l-aħħar kien żmien diffiċli għall-operaturi fis-settur turistiku imma ovvjament dawn l-inċentivi li offra l-Gvern speċjalment il-vouchers kif ukoll il-kampanji li qed isiru bħall-kampanji speċifiċi fuq Għawdex u anke t-tiġdid li qed issir tal-VisitGozo, żgur se jkunu ta’ inċentiv qawwi biex inkomplu nipromovu lil Għawdex f’dan is-settur.”