Għas-sitt sena konsekuttiva l-Ministeru għal Għawdex nieda il-programm tal-Milied f’Għawdex li jinkludi ’l fuq minn mitt attività u attrazzjoni mifruxa madwar Għawdex.
L-attivitajiet li se jittellgħu bejn l-aħħar Sibt ta’ Novembru u l-ewwel Ħadd ta’ Jannar jinkludu bosta għaqdiet volontarji madwar Għawdex kollu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-programm ta’ din is-sena huwa iktar ambizzjuż mis-snin ta’ qabel u għandu jolqot il-gosti ta’ kulħadd.
“Din is-sena però konna iktar ambizzjuzi għaliex qed nippreżentaw programm vast ħafna, mifrux madwar Għawdex kollu biex ikun il-vetrina ta’ Għawdex għal żmien il-Milied.” Stqarret il-Ministru Caruana.
Il-programm Milied f’Għawdex se jinkludi attivitajiet tradizzjonali iżda wkoll attrazzjonijiet ġodda li se jkunu mgħejjuna mill-Ministeru ta’ Għawdex.
Il-Ministru Caruana qalet li fi ħdan il-Ministeru hemm sezzjoni apposta li jaħdem biex ifassal programm bis-sehem ta’ bosta għaqdiet, inkluż is-settur privat.
Qalet li l-programm huwa msawwar fuq it-tradizzjonijiet u l-valuri veri u awtentiċi tal-Milied u jkompli jibni fuq il-mod li jiġi ċċelebrat il-Milied f’Għawdex fejn il-familji jgħożżu t-tradizzjonijiet.
Il-Ministru Caruana qalet kif dan il-programm qed jagħti valur li dak kollu li huwa tipikament Għawdxi fejn jippromwovu l-prodotti tipiċi lokali u t-talent kulturali li joffru l-gżejjer tat-tlett għoljiet.