Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Nisa Laburisti, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, sellem il-ħidma ta’ din il-fergħa fil-Partit, bħala forza ta’ ħsieb kritiku biex jibqa’ jkun partit riformista li jmexxi ’l quddiem bidliet f’ħajjet in-nies, mhux l-inqas fost in-nisa.
Il-Prim Ministru saħaq li, filwaqt li saru ħafna riformi biex il-mara tkompli tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha f’pajjiżna, jeħtieġ li nkomplu nilqgħu għar-realtajiet ġodda li qed tiffaċċja fis-soċjetà tal-lum.
L-aġenda riformista, li adotta l-Gvern fl-aħħar snin, kienu kruċjali biex żdiedet il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Miżuri li kienu game changer, bħaċ-childcare b’xejn, wassal biex il-mara terġa’ tibda taħdem wara li jkollha l-ewwel wild. It-tielet strateġija kontra l-vjolenza domestika tinkludi mezzi teknoloġiċi li jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika.
“Filwaqt li saru sensiela ta’ riformi biex il-mara tibqa’ timxi ’l quddiem f’pajjiżna, jeħtieġ li nilqgħu għal realtajiet ġodda li jiltaqgħu magħhom in-nisa. Il-mara trid tittieħed f’kuntest usa’, b’mod partikolari fejn tidħol it-trobbija tat-tfal u l-familja,” kompla l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar dwar kif il-politika tal-Partit Laburista tiddistingwi mill-politika ta’ ħaddieħor. Il-politika li verament tbiddel ħajjet in-nies u tan-nisa f’pajjiżna.
Sadanittant ONE News tkellem ma’ Nikita Zammit Alamango li hi l-President tan-Nisa Laburisti dwar il-Laqgħa Ġenerali Annwali u l-pjattaforma li offriet.
“Użajna wkoll din l-attività biex nagħtu pjattaforma lin-nisa li ħerġin għall-Kunsilli Lokali u anke għall-MEPs fl-aħħar mill-aħħar. Inħossu li hu dover tagħna, bħala fergħa femminili fil-Partit, mhux għax naħsbu li hemm xi ħadd aktar ugwali minn ħaddieħor, imma għax aħna qegħdin hawn biex nagħtu leħen lin-nisa fil-Partit u nemmnu li fil-komunità, bl-istess mod, in-nisa li dejjem kienu l-backbone tal-Partit Laburista għandhom ħafna x’jikkontribwixxu.”
Tkellimna wkoll ma’ Joyce Camilleri, li se tikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-belt ta’ Bormla. Sostniet l-importanza tar-rappreżentazzjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fix-xena politika Maltija.
“In-nisa hu importanti li jkollhom say, għax l-imħuħ tal-irġiel u tan-nisa jaħdmu daqsxejn differenti, allura l-lenti tkun differenti lejn wieħed kif iħares lejn il-problema fil-lokalità tiegħu.”
Sadanittant, Maria Camilleri, eks membru parlamentari u kandidata tal-Partit Laburista, irrimarkat ir-riformi importanti tal-Gvern li inċentivaw lin-nisa f’pajjiżna biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u fil-politika.
“Dawn narawhom meta l-Gvern daħħal iċ-childcare b’xejn li kienet tant miżura importanti u li llum qed naraw ir-riżultati tagħha u anke meta fl-aħħar leġiżlatura rajna l-kwota.”