Stqarrija maħruġa mill-Eurostat turi li r-rata tal-qgħad f’Malta niżlet għal 4.4% f’Jannar. Din hija l-inqas rata ta’ qgħad f’Malta mindu bdiet tiġi ppubblikata din l-istatistika fis-sena 2000, qal hekk il-Gvern fi stqarrija.
Din hija wkoll it-tnax-il darba tul din il-leġislatura li pajjiżna wasal għal rekord ġdid ta’ qgħad baxx. Dan ifisser, filwaqt li sa tmiem il-leġislatura li għaddiet l-inqas rata ta’ qgħad kienet 5.8%, taħt l-amministrazzjoni preżenti dan ir-rekord inkiser tnax-il darba: darbtejn fl-2014, erba’ darbiet fl-2015 u ħames darbiet fl-2016 u darba fl-2017.
Minn Ġunju li għadda r-rata tal-qgħad niżlet b’mod kontinwu, minn 5% għal 4.4%. Pajjiżna issa għandu r-raba’ l-inqas rata ta’ qgħad madwar l-Unjoni Ewropea. Madwar iż-żona ewro, l-qgħad ilaħħaq id-9.6%, jew iktar mid-doppju tar-rata f’pajjiżna.
Matul il-leġislatura preċedenti, bħala medja, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet tlaħħaq is-6.5%, jew iktar minn żewġ punti perċentwali għola mir-rata preżenti. Fi tmiem l-2009 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7.3%. Lejlet l-aħħar budget tal-Gvern preċedenti, skont il-Eurostat, kien hemm 3,000 persuna iktar bla xogħol milli hawn illum.
Fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ programmi biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħal garanzija għaż-żgħażagħ li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien isostni li hija one big menace for our economy. Filwaqt li fil-leġislatura li għaddiet il-qgħad fost iż-żgħażagħ ġieli qabeż is-16%, skont il-Eurostat, pajjiżna llum għandu rata ta’ 11.9%. Din hija fost l-inqas rati madwar l-Unjoni Ewropea.
Fi ftit iktar minn tliet snin pajjiżna kellu żieda fl-impjiegi iktar minn dik fit-tliet leġislaturi preċedenti meħudin flimkien. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien bassar rata ta’ qgħad ogħla minn 7%, il-Eurostat qed turi l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjjżna fejn in-numru ta’ nies fuq ir-reġistru waqa’ taħt it-3,000.
L-istqarrija temmet tgħid li fix-xhur li ġejjin il-Gvern ser ikompli bil-ġlieda kontra l-qgħad biex il-ġid ikompli jitkattar u jasal għand kulħadd.