Għat-tieni darba, Qorti Żvizzera ma sabitx lill-eks President tal-FIFA Sepp Blatter u l-leġġenda tal-futbol Franċiż Michel Platini, ħatja fl-akkużi miġjuba kontrihom ta’ korruzzjoni.
Huma kienu meħlusa mill-Extraordinary Appeals Chamber tal-Qorti Kriminali Żvizzera mill-akkużi ta’ frodi, falsifikazzjoni, immaniġġjar ħażin u misapproprjazzjoni ta’ madwar €2.1 miljun f’fondi tal-FIFA fl-2011.
L-uffiċċju tal-avukat ġenerali Żvizzeru kien appella mill-ewwel sentenza ta’ ħelsien mill-akkużi li kienet ingħatat fil-konfront ta’ Blatter, li għandu 89 sena u Platini, ta’ 69 sena, u talab sabiex jingħataw sentenzi ta’ 20 xahar ħabs sospiżi għal sentejn.
Blatter u Platini dejjem kienu konsistenti fl-istqarrijiet tagħhom quddiem ħames entitajiet ġudizzjarji, darbtejn fil-FIFA, il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-isport u issa darbtejn fil-Qorti Kriminali Federali Żvizzera, li huma kellhom ftehim verbali li xi darba jsolvu l-flus inkwistjoni.
Il-prosekuraturi xorta jistgħu jerġgħu jappellaw fil-Qorti Suprema Żvizzera.
Blatter kien approva li l-FIFA tħallas żewġ miljun Frank Żvizzeru, li jammontaw għal €2.1 milun, lil Platini fi Frar 2011 għal salarju supplimentari u mhux ikkuntrattat għal xogħol ta’ konsulent presidenzjali bejn l-1998 u l-2002. Platini kien qal li l-flus kienu parzjalment diferiti għaliex il-FIFA dak iż-żmien ma kelliex biex tħallas il-pagament kollu.
Dettalji dwar dan kienu ħarġu waqt il-kriżi li ffaċċjat il-FIFA f’Mejju 2015 meta saret investigazzjoni ta’ uffiċċjali internazzjonali tal-futbol minn investigaturi federali Amerikani.
Qabel ma ħareġ l-iskandlu, Platini kien il-President tal-UEFA u wieħed mill-favoriti li jieħu post Blatter bħala President tal-FIFA.
It-tnejn li huma qatt ma ħadmu aktar fil-qasam tal-futbol minn meta kienu sospiżi mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA f’Ottubru 2015. Is-sospensjoni ta’ Platini kienet skadiet fl-2019, filwaqt li Blatter fl-2021 kien ingħata sospensjoni oħra mill-FIFA ftit xhur qabel kienet se tintemm l-ewwel waħda.
Blatter huwa eżiljat mill-futbol sal-aħħar tal-2028, meta jkollu 92 sena, wara prosekuzzjoni etika li ta lilu nnifsu bonusis kbar ta’ flus talli kien organizza b’suċċess it-Tazza tad-Dinja tal-Irġiel fl-2010 u l-2014.