Imħallef fil-Qorti ta’ New York City, għat-tielet darba ċaħad it-talba ta’ Sean ‘Diddy’ Combs biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Żewġ imħallfin preċedenti wkoll kienu ħadu l-istess deċiżjoni primarjament minħabba r-riskju ta’ tbagħbis tax-xiehda u intraċċi tal-provi qabel jibda l-ġuri li hu skedat għal Mejju 2025.
Combs qiegħed jinżamm fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni Metropolitana fi Brooklyn, New York akkużat b’konfoffi ta’ frodi, u traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ attivitajiet sesswali u prostituzzjoni.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati u anke ċaħad għexieren ta’ akkużi ta’ attakki sesswali miġjuba kontrih f’għadd kbir ta’ kawżi ċivili.
Fir-rapport tiegħu l-Imħallef Arun Subramanian ikkonkluda li Sean ‘Diddy’ Combs ma setax jiġi fdat u jinħeles mill-arrest hekk kif hemm evidenza li anke minn ġewwa l-ħabs ipprova jostakola l-eżitu tal-ġustizzja.
It-tim legali tiegħu kien ippropona pakkett b’depożitu ta’ $50 miljun, li jinżamm taħt arrest f’daru u li ma jkollux kuntatt ma’ nisa biex jingħata l-ħelsien mill-arrest iżda dan ma kienx aċċettat mill-qorti. Sabiex jiġbor il-flus għad-depożitu huwa kien tefa’ għal bejgħ il-vilel tiegħu f’Los Angeles u Miami.