Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u l-Ewro-Parlamentari tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, reġa’ ġie magħżul bħala finalist għall-premju tal-aqwa Membru Parlamentari Ewropew (MPE) tas-sena, din id-darba għall-ħidma li qed iwettaq fil-qasam tal-istrateġija diġitali u s-suq uniku. Agius Saliba huwa l-unika MPE Malti nominat għal din is-sena.
Din in-nomina qed tiġi ftit ġimgħat biss wara li Agius Saliba kien magħżul ukoll bħala wieħed mill-aktar MPE influenti fi ħdan il-Parlament Ewropew. Fl-2020 huwa kien fil-lista tal-ġurnal awtorevoli Politico bħala wieħed mill-aqwa 20 MPE ukoll.
Min-naħa tiegħu l-Ewro-Parlamentari Agius Saliba sostna li huwa ta’ unur għalih li bil-politika li qed iħaddem fi ħdan il-Parlament Ewropew, qed jirnexxilu jinfluenza policies li fil-verita’ jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, Dr. Agius Saliba ra illi dejjem iġib fuq quddiem nett il-ħarsien tal-konsumaturi Maltin, Għawdxin u anke Ewropej. Matul din il-leġiżlatura, li issa daħlet fl-aħħar sena tagħha, il-MPE Laburista se jibqa’ mfakkar għan-negozjati li mexxa ‘l quddiem fuq leġiżlazzjonijiet fis-settur diġitali, ir-Right to Disconnect, iċ-Ċarger Komuni, l-Att għas-Servizzi Diġitali u anke l-Att għal-Liberta’ fis-settur tal-Midja.
“Onorat li erġajt irċevejt vot ta’ fiduċja għax-xogħol li qed inwettaq fi ħdan il-Parlament Ewropew u ġejt magħżul bħala finalist għal dan l-unur prestiġġjuż. In-nomina minnha nfisha hija diġa’ rikonoxximent tax-xogħol u se nibqa’ naħdem bla heda sabiex ħadd ma jitħalla lura. Din hija l-Ewropa soċjali li bħala Soċjalisti u Demokratiċi nemmnu li rridu niksbu.” sostna Alex Agius Saliba.