Ix-xogħlijiet fuq il-bini ta’ għassa ġdida tal-Pulizija waslu fl-aħħar fażi tagħhom. Dan ifisser li ftit xhur oħra din l-għassa se tkun tista’ tibda tagħti servizz lir-residenti u eluf ta’ nies li jżuru din il-lokalità speċjalment fl-istaġun tas-sajf. Dan b’investiment ta’ €130,000.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri żaru dawn ix-xogħlijiet. Huma esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li din l-għassa se tkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità permezz ta’ installazzjoni ta’ lift. Qed isiru wkoll titjib fl-infrastruttura, kif ukoll investiment fit-teknoloġija.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti anke fir-riżorsi tiegħu f’Għawdex.
Huwa qal: “Il-korp tal-Pulizija qed ikompli jinvesti fir-riżorsi tiegħu f’Għawdex. Illum qegħdin ġewwa Marsalforn, post turistiku li kien hemm bżonn illi jkollna għassa tal-Pulizija li tkun taqdi l-bżonnijiet tal-lum, ta’ dan il-post partikolari ġewwa Għawdex f’dawn iż-żminijiet.”
Min-naħa tiegħu il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri laqa’ l-investiment li permezz tiegħu qiegħda ssir din l-għassa f’Marsalforn.
Il-Ministru Camilleri sostna:“Huwa ovvju wkoll li anke f’dan il-perjodu tas-sajf li hawnhekk ikun hawn ħafna attivita proprju ġewwa Marsalforn ser ikollna għassa aktar viżibbli, għassa wkoll li ser tagħti aktra viżibbilità lill-Pulizija, propju d’dan il-post hekk turistiku ġewwa Għawdex.”