Fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar li l-Pulizija se tkun qed testendi l-proġett tal-Community Policing tagħha f’akwati bi sfidi bħall-Marsa, Ħamrun, San Pawl il-Baħar u San Ġiljan.
Bħala parti mill-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija se jitkompla x-xogħol fuq numru ta’ għases ġodda partikolarment dak tal-Imsida u l-Ħamrun. Tul is-sena d-dieħla se titlesta wkoll il-Command and Control Centre fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u proġett t’immodernizzar fit-Taqsima Forensika tal-korp.
Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jsir ukoll investiment fl-infrastruttura biex jintużaw aħjar spazji fil-konfini tal-ħabs. Se jinxtraw ukoll vetturi ġodda bil-għan li l-iskorti tal-priġunieri jkunu aktar siguri.
Fil-Forzi Armati ta’ Malta se jissokta t-taħriġ fis-suldati kif ukoll se jkun hemm aktar investiment fl-Ispecial Operations Unit. Se jittejbu wkoll is-sistemi ta’ komunikazzjoni u se jkomplu x-xogħlijiet fil-bażijiet diversi tal-FAM.
Fejn jidħol ħarsien ta’ Infrastruttura Kritika, is-sena d-dieħla se jinfetaħ Ċentru ta’ Moniteraġġ tas-Sigurtà li se jkun qed jaħdem 24 siegħa kuljum. Dan se jopera network ta’ moniteraġġ għall-infrastruttura kritika tal-pajjiż.
Fl-istess waqt id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkompli jinvesti f’aktar vetturi tat-tifi tan-nar speċjalizzati fosthom lanċa ġdida għat-tifi tan-nar u salvataġġ.