Għas-seba’ sena konsekuttiva tnediet l-inizjattiva bla ħlas ta’ klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC taħt il-Youth Guarantee Project, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva, li hija mmexxija minn Jobsplus u hija mmirata għall-istudenti li se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-O-levels f’Settembru fil-Bijoloġija, fl-Ingliż, fil-Malti, fil-Matematika u fil-Fiżika.
Il-klassijiet se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri fir-Rabat Għawdex, fil-Mosta, f’Pembroke, f’Ħal Kirkop u f’Raħal Ġdid u se jsiru mis-27 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu.
Għal din l-iskema huma eliġibbli studenti li għandhom bejn il-15 u l-24 sena li ser jagħmlu l-eżamijiet f’dawn is-suġġetti, kemm f’Paper A u kemm f’Paper B, huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jattendu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici semma li l-istudenti llum irċevew ir-riżultat tal-assessjar tas-SEC. Dr Bonnici. Huwa feraħ li dawk li marru tajjeb u nkoraġixxa lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq biex ikomplu jaħdmu sabiex jilħqu r-riżulati li jixtiequ. Sostna li dawn il-klassijiet qed isiru għal dan il-għan.
Il-Ministru Bonnici ħabbar li l-lezzjonijiet ser jibdew fl-aħħar ta’ Lulju u ser isiru filgħodu f’diversi skejjel mifruxa madwar il-pajjiż.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din is-sena dawn il-klassijiet se jkunu aktar ta’ bżonn minn snin oħra. Huwa saħaq li għall-ewwel darba dawn il-klassijiet se jiftħu wkoll għal dawk l-istudenti li jixtiequ jagħtu Karta A (Paper A), hekk kif fi snin ta’ qabel kienu jiftħu biss għal dawk li se jagħtu Karta B (Paper B), f’dawn is-suġġetti.
Dr Zrinzo Azzopardi temm jgħid li permezz ta’ fondi Ewropej qed isir aktar investiment fiż-żgħażagħ tagħna li huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà, dan sabiex ikun hemm tisħiħ kemm l-industrija tax-xogħol u l-ekonomija.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej intqal li sa minn meta bdiet din l-inizjattiva fl-2014, il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC assistew lil aktar minn 4,000 student u taw riżultat favorevoli sena wara sena. Mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 li pprovda għall-kontinwazzjoni tal-Youth Guarantee – Youth Guarantee 2.0, ġew allokati miljun ewro oħra għal aktar investiment fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u jiġu promossi l-benesseri tas-soċjetà.
L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.education.gov.mt/revision sat-Tnejn 20 ta’ Lulju 2020, sal-għaxra ta’ filgħodu.
Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC wieħed jista’ jċempel fuq 2598 1161 / 2598 1162 / 2598 1164 jew 2598 2828/ 2598 2829 jew iżur il-paġna ta’ Facebook – ‘Youth Guarantee Malta’.