Minn tal-inqas seba’ persuni mietu, disgħa oħra ndarbu u oħrajn ġew irrappurtati nieqsa, f’għargħar ikkawżat minn xita kbira li laqtet partijiet fil-kapitali tal-Korea t’Isfel, Seoul.
Xita qawwija mliet it-toroq, għerrqet stazzjonijiet tal-ferrovija u kkawżat qtugħ ta’ dawl madwar il-belt u provinċji fil-qrib.
Uħud miż-żoni saħansitra raw l-ogħla livelli ta’ xita rreġistrata f’dawn l-aħħar tmenin sena.
It-tbassir huwa li x-xita se tissokta fil-jiem li ġejjin.
Wieħed mid-distretti f’Seoul irreġistra aktar minn mija u erbgħin millimetru ta’ xita fis-siegħa – li hija l-ogħla rata ta’ xita rreġistrati mill-1942.