Minn tal-inqas ħames persuni mietu fil-jum tal-Erbgħa fi Franza u l-Ġermanja minħabba l-għargħar.
Gruppi tat-tfittxija fil-Ġermanja sabu l-iġsma ta’ tliet persuni li nqabdu f’dar filwaqt li mara nstabet mejta fi xmajra fil-viċin. Fiċ-ċentru ta’ Franza, mara ta’ 86 sena tilfet ħajjitha.
Għexieren ta’ bliet spiċċaw mgħarrqa u ħafna nies ġew salvati b’helikopter. Bassara tat-temp qed jgħidu li l-livelli tal-ilma mistennija jgħolew fil-jiem li ġejjin. L-għargħar huwa maħsub li kkawża ħsarat sostanzjali.