Il-pjattaforma diġitali u finanzjarja ĠEMMA flimkien mal-Fondazzjoni HSBC Malta ikkollaboraw fuq proġett immirat lejn it-tfal li pparteċipaw fi SkolaSajf.
Din is-sena, 2,500 tifel u tifla ta’ etajiet differenti bejn it-tmienja u l-15-il sena li attendew SkolaSajf kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, ħadu sehem fl-attività “Piece by Peace”.
Waqt dawn is-sessjonijiet, tmexxa ’l quddiem il-kunċett tar-responsabbiltà soċjali fejn it-tfal ingħataw aktar għarfien dwar deċiżjonijiet finanzjarji li għandhom jieħdu u kif dawn jirriflettu l-prinċipji soċjali u ambjentali, fost oħrajn.
Tim ta’ edukaturi, flimkien ma’ voluntieri mill-HSBC, ħadmu fuq dan il-proġett biex joħolqu u jagħtu sessjonijiet interattivi ta’ taħriġ li kienu prattiċi hands-on u fl-istess waqt divertenti u interessanti għat-tfal. Tnediet ukoll kompetizzjoni biex it-tfal f’timijiet ta’ erbgħa, joħolqu poster ta’ kumpanija immaġinarja tagħhom.
Nhar it-Tlieta filgħodu, ingħataw tliet premjijiet lill-gruppi ta’ studenti li rnexxielhom joħolqu l-aktar ideat innovattivi u ħejjew poster b’erba’ inizjattivi ewlenin, ilkoll marbutin mar-responsabbiltà soċjali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-interess kontinwu f’dan il-kunċett ta’ għarfien finanzjarju saħansitra fost it-tfal u l-adoloxxenti.
Il-Ministru saħaq li dan il-Gvern se jkompli jibni kollaborazzjonijiet, anke mal-privat biex iħeġġeġ infiq sostenibbli.
Hu qal li “rrid nirringrazzja lill-HSBC Foundation, lill-organizzaturi ta’ Skola Sajf. Kien hemm żewġ aspetti li vera temi li laqtuni li qalu t-tfal – il-kuxjenza ambjentali tagħhom u l-kuxjenza soċjali tagħhom li ma naħlux u li ma narmux biex b’hekk nkunu aktar pożittivi.”