Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex is-Sibt li ġej, 20 ta’ April, iżur is-siti ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa, li se jkunu miftuħin bla ħlas il-ġurnata kollha.
Dan bħala parti minn open days, li qed jiġu organizzati kull tmiem il-ġimgħa dan ix-xahar.
Għar Dalam, li hu l-eqdem sit preistoriku ta’ pajjiżna bl-ewwel preżenza umana fostna madwar 7,400 sena ilu, hu mogħni wkoll bl-esebiti t’annimali li għammru fuq dawn il-gżejjer dak iż-żmien.
L-għar innifsu hu mżejjen min-natura nnifisha b’varjetà ta’ formazzjonijiet ta’ blat.
Il-pubbliku se jkun jista’ jżur ukoll is-sit ta’ Borġ in-Nadur, li jinsab ftit ’l isfel minn Għar Dalam. Dan is-sit Neolitiku ġie skavat fis-snin 20 tas-seklu l-ieħor mill-Arkeologa Margaret Murray.
Bosta attivitajiet għall-familja kollha se jżewqu din l-open day.