Heritage Malta qegħda toffri opportunitá mhux tas-soltu lill-pubbliku biex iżur Għar Dalam u l-inħawi tal-madwar bil-lejl. Minkejja li hawn min żar dan l-għar iktar minn darba, ċertament li din hija attivitá mhux ta’ min jitlifha għax rarament tesperjenza l-għar fid-dawl naturali tal-qamar.
Din l-attivitá se ssir nhar il-Ħamis 7 ta’ Settembru fis-7.00pm. Il-viżitaturi se jingħataw spjega bil-Malti u wara jżuru l-inħawi u l-għar taħt id-dawl tal-qamar. Fi tmiem l-attivitá se jkun hemm riċeviment żgħir ukoll.
Fi stqarrija Heritage Malta qalet li r-relevanza ta’ Għar Dalam bħala sit preistoriku ġiet skoperta lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. Dan wara li skavar kixef għadam tal-annimali u anke ta’ bnedmin kif ukoll xi artefatti. L-għar għandu importanza kbira f’dik li hija paleontoloġija, arkeoloġija u ekoloġija. Il-madwar tal-għar joffri xenarju naturali mill-isbaħ iddominat minn Wied Dalam li ġie fformat minn kwantitá kbira ta’ ilma fi Żmien is-Silġ meta f’Malta kien hawn abbondanza ferm iktar ta’ ilma.
L-għar huwa protett bħala sit ta’ Natura 2000 minħabba preżenza tal-ispeċi endemika tal-ħanżir l-art tal-għerien li ġie skopert fil-partijiet ta’ ġewwa tal-għar. Minħabba li din l-ispeċi hija rari u tinsab prattikament f’Għar Dalam, ingħatat protezzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
L-għar huwa xhieda wkoll tal-ewwel abitazzjoni f’din il-gżira madwar 7,400 sena ilu.
Il-viżitaturi jibdew iż-żjara tagħhom fil-mużew fejn hemm żewġ swali. Waħda hija fuq stil Vittorjan u s-sala l-oħra tagħti iktar spjega dettaljata dwar l-evoluzzjoni u s-sejba tal-għar. Naturalment il-qofol tas-sit huwa l-għar innifsu iżda l-viżitatur sakemm jasal sal-għar jista’ jgawdi l-ambjent naturali tal-madwar imżewwaq b’siġar u pjanti indiġeni.
Il-biljetti għal din l-attivitá huma €13 għall-adulti, €10 għall-anzjani, studenti u tfal taħt it-12-il sena, u €9 għall-membri ta’ Heritage Malta. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta, kif ukoll online.
Għal iktar tagħrif dwar Heritage Malta u l-attivitajiet organizzati mill-aġenzija, żur is-sit www.heritagemalta.org