Elisa Buhagiar ta’ 10 snin mill-Imtarfa hija l-vittma li tilfet ħajitha traġikament f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa l-Ħamis filgħaxija. Aħbar li ħasdet lil bosta, iżda telfa akbar għal dawk li kienu jafuha. Fosthom it-tfal tal-iskola St Joseph, l-iskola li kienet tattendi Elisa li kienet fil-ħames sena tal-iskola primarja, u magħha kienu jqattgħu ħafna ħin fuq il-bank tal-iskola.
Viżibbilment emozzjonati, Maya Camilleri u Marya Mizzi, ħbieb tal-qalb ta’ Elisa u li kienu jmorru l-iskola magħha, qalulna li ma jistgħux jemmnu li tilfu lil Elisa.
“Meta sirt naf li mietet ħadt dik id-daqqa qisni f’dinja oħra…. Kien xokk kbir u qisna riedna naċċettaw li ħabiba tagħna kienet mietet u ma nistgħux nġibuha lura”, qalu Maya u Marya.
Iż-żewġt iħbieb jirrakkontaw kif il-Ħamis raw l-aħbarijiet u semgħu bl-inċident imma qatt ma basru li l-vittma kienet se tkun Elisa.
“Rajt l-aħbarijiet u rajt l-inċident imbagħad bagħtu li l-kunċert tħassar…. ħadt xokk kbir meta l-parents bagħtu u qalu li Elisa. Jien ħsibt li kienet orajt imma kien xokk kbir ilni nafha mill-kindergarten”.
Il-jum tal-ġimgħa kellu jkun importanti għal Elisa, għax wara ġimgħat sħaħ ta’ tħejjijiet, kien se jkollha l-parti ewlenija fil-kunċert tal-iskola. Iżda d-destin ried mod ieħor, u l-iskola ħassret il-kunċert b’sinjal ta’ rispett lejha u qrabatha.
Maya tirrakonta kif Elisa kienet eċċitata u bdiet tistenna b’ħerqa sabiex tieħu sehem fil-kunċert.
“Kienet Grease girl u jien Grease boy u jien għażilt lil Elisa. Konna qegħdin nidħqu ħafna. Kollox riedet perfett bil-costume b’kollox, riedet iċ-ċoff fuq rasha u l-miss irranġatilha”.
Flok il-kunċert, fl-iskola kien hemm dieqa kbira, bl-istudenti jibku u jfakkru l-memorja ta’ Elisa.
“Għaqqadna jdejna flimkien, waqafna nibku, tlabna u bdejna nsemmu affarijiet fuq Elisa”.
Quddiem din ir-realtà kiefra, it-tfal stqarru li jafu li Elisa dejjem se tkun magħhom fl-ispirtu u se jibqgħu jiftakruha dejjem bit-tbissima.
“Dejjem se tkun f’qalbi u se nibqa’ niftakarha bħalha tifla ferriħija, qalbiena u lesta biex tgħin… kienet qalbha tajba, tgħin lil kulħadd anki lil min ma kinitix tfal”.
Jibqgħu jidwu f’moħħhom l-aħħar kelmiet li qaltilhom Elisa l-Ħamis l-iskola, ftit sigħat qabel tilfet ħajjitha.
“U bdiet tirranħa l-kostum u qaltli… ‘Marya jien dejjem se nħobbok u se nkun miegħek bħalha ħabiba'”.
“Wara r-rehearsal insejna l-lunch box u morna għalija u għiditlha inti inħobbok u se tkun il-ħabiba tiegħi.
ONE News jinsab infurmat ukoll li fil-karozza ma’ Elisa kien hemm il-ħabiba tagħha Mattea Scerri, il-ħabiba tal-qalb u l-ġara tagħha li hija wkoll mill-Imtarfa.
B’xorti tajba Mattea ma ġarrbet l-ebda ġrieħi. Persuni li jafu sew lill-qrabatha qalu li t-tifla kellha tingħata għajnuna psikoloġika minħabba t-trawma li ġarrbet. ONE News jinsab informat li l-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha biex tistabbilixxi kif seħħ l-inċident fatali fil-Mellieħa. Diżgrazzja li laqgħtet lill-familja Buhagiar. Iżda ħasda kbira għal dawk li kienu jafuha mill-qrib, hekk kif issa jifdal biss il-memorji tagħha.