Ġew approvati u ppubblikati l-emendi tal-Avviżi Legali dwar il-Ġbir Pubbliku u l-Ħwienet tal-Karità. L-Avviżi Legali preċidenti ġew irtirati filwaqt li ż-żewġ Avviżi Legali l-ġodda se jidħlu fis-seħħ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Jannar li ġej.
Fost l-emendi l-ġodda hemm il-fatt li għaqda volontarja iskritta u konformi tista’ torganizza avveniment ta’ ġbir pubbliku mingħajr ma tinnotifika lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.
Apparti minn hekk meta tiġi organizzata ġabra pubblika, huwa importanti li l-amministraturi jew il-kolletturi jkollhom tabella li bl-isem u l-kunjom, in-numru tal-karta tal-identità, ritratt tad-daqs tal-passaport tal-kollettur u l-isem u n-numru tal-għadqa volontarja speċifiku. Madankollu, kien maqbul li din it-tabella għandha tinħareġ mill-għaqdiet volontarji u mhux mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, filwaqt li l-validità tat-tabella ġiet emendata minn sitt xhur għal sena.
Rigward il-laned tal-ġbir pubbliku, l-għaqdiet issa huma ħielsa li jipprovdu lill-kolletturi tagħhom laned issiġillati. Dawn imbagħad għandhom jinfetħu quddiem mill-inqas żewġ amministraturi mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm professjonist b’warrant preżenti waqt dan il-proċess.
Tibdila sinifikanti oħra fi ħdan l-Avviż Legali tal-Ħwienet tal-Karità hija li ħanut tal-karità jrid ikollu l-kliem “ħanut tal-karità” kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż ġewwa l-post u mhux fuq il-faċċata tal-ħanut.
Fi kliem il-Kummissarju għall-Organizzazzjonjiet Volontarji Jesmond Saliba, dan l-eżerċizzju kollaborattiv li sar matul dawn l-aħħar xhur, bejn l- Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju u l-imsieħba ewlenin kollha fi ħdan is-settur tal-volontarjat juri li l-volontarjat f’Malta huwa tassew rikonoxxut bħala pilastru fundamentali tas-soċjetà Maltija. Huwa esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-imsieħba kollha li għamluha possibbli biex dawn l-Avviżi Legali jiġu emendati u issa se jkunu qed jirriflettu tassew il-bżonnijiet tal-Organizzazzjonijiet Volontarji fir-rigward tal-ġbir pubbliku u l-ħwienet tal-karità.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima saħaq li flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Kunsill għas-Settur Volontarju, il-Gvern sema’ u ta widen għal dak li kellhom xi jgħidu l-għaqdiet volontarji, tant li llum qed naraw leġiżlazzjonijiet ġodda, mibnija fuq l-ideat tal-għaqdiet volontarji nfushom. Huwa rringrazzja lil dawk kollha involuti u saħaq li hu jħares ‘il quddiem biex jkollna settur volontarju aktar b’saħħtu u ssalvagwardjat.
Intant, il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju laqa’ b’sodisfazzjon, il-fatt li r-regolamenti ġew riveduti u se jkunu jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet tal-istess settur filwaqt li jiggarantixxu trasparenza u kontabilità.
Il-Legiżlazzjonijiet il-ġodda jistgħu jinstabu f’dawn il-ħoloq; https://legislation.mt/eli/sl/492.3/mlt (Avviz Legali – Ġbir Pubbliku) u https://legislation.mt/eli/sl/492.4/mlt (Avviż Legali – Ħwienet tal-Karità).