Ingħataw madwar €1 miljun f’fondi lill-għaqdiet volontarji biex matul din is-sena jimplimentaw 87 proġett ġdid li se jagħmlu differenza fil-komunità. Dawn il-fondi huma parti mill-iskemi tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u s-Small Initiatives Scheme (SIS), amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ġie spjegat li l-proġetti magħżula jvarjaw minn dawk ta’ inklużjoni, permezz tal-mużika u l-arti, proġetti sportivi, inkluż għal tfal b’diżabilità, proġetti infrastrutturali fil-binjiet tal-għaqdiet, riċerki u varjetà kbira ta’ proġetti oħrajn, inkluż dawk relatati mal-kultura, ambjent u edukazzjoni.
Permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi, sa mit-twaqqif tagħhom, ġew implimentati ’l fuq minn 700 proġett bil-fondi jammontaw għal €7.8 miljun.
Il-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Julia Farrugia Portelli, tenniet l-importanza ta’ dawn l-iskemi li joffru għajnuna lill-għaqdiet volontarji u li huma kruċjali għalihom biex jimplimentaw proġetti fil-komunitajiet tagħna.
“Din hi ċelebrazzjoni b’saħħitha tal-leadership fuq livell lokali, imma wkoll fuq livell nazzjonali, għax qed naraw aktar minn 87 għaqda volontarja fil-pajjiż li, bejniethom, se jkunu qed imexxu huma miljun ewro f’fondi li l-Gvern qed jinvesti fihom.”
Qalet li l-Kunsill se jkun qed jgħin lil dawn l-għaqdiet u jsegwi l-proċess ta’ implimentazzjoni biex il-fondi jintużaw bl-aħjar mod għall-ġid kemm tal-għaqda u anke tas-soċjetà.
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, semma kif il-konkorrenza għal dawn il-fondi dejjem qed tiżdied u qed jintgħażlu proġetti ta’ kwalità għall-ġid tal-komunità.
“Proġetti li jsostnu bosta għaqdiet f’diversi oqsma li jaħdmu fil-komunità b’tali mod li jsostnu l-operat tagħhom. Ħa jmorru fl-investiment fix-xogħol, fil-ħidma, fit-taħriġ li l-istess għaqdiet jagħmlu fil-komunitajiet tagħna.”