Proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej li ġew sospiżi minħabba l-pandemija se jerġa’ jibda x-xogħol fuqhom fix-xhur li ġejjin.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt seminar li jitratta programmi tal-ERASMUS+ u l-European Solidarity Corps.
Fis-seminar Discover Erasmus+ & Solidarity Corps – Sharing of Good Practices, diversi NGOs kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-proġetti tagħhom u jispjegaw il-miri tagħhom u l-effett li jħallu fuq is-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega li l-fondi Ewropej huma mifruxa fuq diversi setturi.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr, “L-attività organiżżata llum mill-Aġenzija EUPA kienet opportunita biex nisimgħu diversi esperjenzi ta’ proġetti li twettqu minn għaqdiet taż-żgħażagħ, minn NGOs, li permezz tagħhom jintużaw fondi tal-Unjoni Ewropea bi skop soċjali u edukattiv.”
Joseph Schembri, Kap Eżekuttiv tal-EUPA, stqarr kif il-proġetti li jaqgħu taħt il-kappa tal-ERASMUS+ jużaw metodoloġiji differenti fejn it-tagħlim isir b’mod informali.
“Bħala konkorrenza fejn jidħlu l-programm taż-żgħażagħ huwa tajjeb ħafna fejn jidħol ERASMUS+ allura prattikament qed nitkellmu fuq eluf ta’ nies u eluf ta’ żgħażagħ li pparteċipaw f’dawn is-7 snin li għaddew.” Stqarr Schembri.
Schembri temm jirrimarka li hekk kif il-budget Ewropew għal dawn il-programmi mistenni jiżdied, aktar NGOs għandhom japplikaw biex ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti tagħhom.