Mill-ġimgħa d-dieħla, aktar minn tletin għaqda tal-armar tal-festi se jgawdu minn fond ta’ mija u sittin elf ewro sabiex iwettqu proġetti b’risq il-patrimonju Malti u l-arti fit-tiżjin armat fit-toroq fi żmien il-festi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura Josè Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA.
Dan il-fond huwa l-ewwel tax-xorti tiegħu u kien hemm domanda qawwija għalih, tant li kien hemm tmenin applikazzjoni għal din is-sena.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li permezz ta’ dan il-fond se jkompli jogħla l-livell fil-festi tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.
Marshall spjega, “L-għajnuna tingħata biexi kun hemm artisti li jidħlu għal xogħol oriġinali u ta’ kwalità u permezz ta’ dawn il-fondi, mhux biss nassiguraw kontinwazzjoni ta’ din l-artikolazzjoni kulturali imma li tiżdied u titejjeb il-kwalità.”
Il-Ministru Herrera qal li dan il-fond huwa parti minn triloġija ta’ fondi b’rabta mal-festi lokali u dan se jkun ta’ għajnuna kbira anke minħabba l-fatt li l-imxija ġabet magħha sfidi finanzjarji għall-għaqdiet kulturali.
“Aħna deherilna li nikkreaw fond ieħor biex ngħinu lil dawn l-għaqdiet volontarji b’mod dirett. Kellna konkorrenza tajba, se jibbenefikaw ‘il fuq minn 30 għaqda, però din ħa tidħol fil-kalendarju tal-Arts Council u fix-xhur li ġejjin min forsi ma ħax din id-darba jieħu darb’oħra.” Temm jgħid il-Ministru Herrera.