Il-klabb sportiv ta’ San Ġwann FC ibbenefika minn kontijiet orħos tal-enerġija grazzi għal skemi mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Dan tħabbar waqt żjara f’waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima.
Il-Viċi President ta’ San Ġwann FC u s-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech spjega li grazzi għal dawn l-iskemi l-klabb bidel is-sistema kollha tad-dawl tal-grawnd għal waħda li taħdem bl-LEDs. B’hekk qed jinħela inqas elettriku u qed jiġi kontribut inqas tniġġis mid-dawl.
Fenech qal, “Ħa nkunu qed niffrankaw b’madwar 40% tal-konsum b’hekk dan il-klabb ikun qiegħed jiffranka l-enerġija u kif ukoll il-Carbon Dioxide fis-sena.”
Il-Ministru Dalli qalet li għexrien ta’ għaqdiet sportivi bbenefikaw minn skema li tgħinhom ikunu aktar effiċjenti fil-konsum tla-enerġija.
Hija stqarret: “L-energy and water agency għamlet skema fejn rajna li jsiru audits ta’ dawn l-għaqdiet sportivi sabiex naraw fejn jistgħu jikkunsmaw anqas enerġija allura jiffrankaw il-flus allura anke nkunu qed niffrankaw l-emmissjonijiet u din hija d-direzzjoni li rridu mmorru fiha għaliex wara kollox irridu l-pajjiż jimxi f’effiċjenza enerġitika.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-flus iffrankati f’kontijiet tad-dawl qed imorru għal aktar investiment fil-klabbs infushom fost oħrajn sabiex jiġu rinovati l-pitches tal-futbol.
Huwa sostna: “Dan kollu jfisser li dan il-klabb se jkun qed ikompli jaħdem fiż-żgħażagħ tal-lokalità u jkompli jinvesta f’dawn it-tfal li huma propju l-futur ta’ dan il-pajjiż.”