Tmienja u erbgħin għaqda mhux governattiva qed igawdu minn skema ta’ installazzjoni ta’ pannelli solari mingħajr ħlas.
Waħda minn dawn l-għaqdiet hija s-Soċjetà Mużikali Peace fin-Naxxar, fejn il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia għamel żjara fil-każin fejn bdew jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi.
Il-Ministru Farrugia qal kif permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern qed jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi sabiex jiġġeneraw arja nadifa u anke pemezz t’hekk jiffrankaw fil-kontijiet tad-dawl tagħhom. Qal kif kull għaqda se tgawdi bejn tnax u erbgħa u għoxrin pannella.
Huwa qal: “Hija importanti għax qed innaqsulhom l-ispejjeż tagħhom imma fl-istess ħin l-għaqdiet mhux governattivi jkunu qed jgħinu lis-soċjetà wara li jkunu ngħataw il-pannelli b’xejn billi jiġġeneraw elettriku minn sorsi nodfa.”
Intqal kif is-Sibt ingħalqet it-tieni sejħa għal din l-iskema ta’ pannelli b’xejn, fejn minn Awwissu li għadda applikaw tnejn u għoxrin għaqda mhux governattiva oħra. Dawn l-applikazzjonijiet mistennija jiġu evalwati, isiru l-kuntratti meħtieġa filwaqt li jibdew l-installazzjonijiet tal-pannelli.
Ma’ dan l-istazzjon, il-President tas-Soċjetà Mużikali Peace Edward Azzopardi qal kif din l-iskema qed tgħin ħafna lill-każin fi żmien ta’ sfida kawża tal-imxija.
Huwa stqarr: “Aħna bħala soċjetà qed nibbenefikaw naturalment biex ikollna traħħis fil-kontijiet tad-dawl. Dik hija l-għajnuna primarja għas-soċjetà tagħna, però aħna bħala kumitat nemmnu li għandna jkollna responsabilta lejn is-soċjetà tagħna biex inħallu arja nadifa u anke ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet li tilgħin.”
Intant, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar kif b’investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro ġew identifikati ħamsin slipway madwar Malta, li se jkunu qed jiddawwlu. Dawn se jkunu qed jiddawwlu permezz ta’ enerġija ġġenerata mix-xemx.