L-Aġenzija Project Green kompliet bl-impenji tagħha biex tara li tkompli tħaddar l-ispazji miftuħa f’pajjiżna. Dan anke frott kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet volontarji u nongovernattivi frott konsultazzjonijiet u diskussjoniet kontinwi.
Dan wassal sabiex l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel f’Ħaż-Żabbar tagħmel il-kontribut ambjentali tagħha bit-tħawwil ta’ 140 siġra b’ismijiet personalizzati fil-Park San Klement f’Ħaż-Żabbar biex jiġi mfakkar il-140 sena anniversarju tagħha.
ONE News żar l-attività li saret f’dan il-park fejn bosta voluntiera kkontribwixxew billi ħawlu dawn is-siġar ġodda sabiex jitgawdew mill-pubbliku.
Hemmhekk iltqajna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Project Green, Steve Ellul, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva li qed tkompli timmarka l-impenn tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna li jkomplu jħaddru l-ambjent ta’ madwarna.
“Mhux biss tajna 2,300m kwadru ta’ spazju ġdid miftuħ għal din il-komunità imma, l-istess komunità ta’ Ħaż-Żabbar, waħda mill-għaqdiet, investiet 140 siġra, jiġifieri litteralment ħawlet 140 siġra b’donazzjonijiet tal-istess komunità f’dan l-istess ġnien.”
Steve Ellul afferma l-ħsieb aħħari wara inizjattivi ta’ dan it-tip.
“Il-ħsieb warajha huwa li l-komunitajiet tal-irħula u l-ibliet tagħna jkunu investiti fl-ambjent tagħna, u naħseb li huwa blueprint għal ħafna proġetti oħrajn li Project Green se tkun qed tagħmel fix-xhur u fil-ġimgħat li ġejjin.”
Intant, tkellimna wkoll ma’ Joseph Tabone, li huwa wkoll soċju fi ħdan l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel f’Ħaż-Żabbar.
Huwa sostna l-importanza tal-kontribut mill-pubbliku favur it-tħaddir ta’ pajjiżna.
“Nibżgħu għal li nagħmlu, l-ewwel nett, għaliex l-ambjent l-isbaħ ħaġa u speċjalment is-siġar għandna nibżgħu għalihom f’kull settur tal-ħajja, minn meta jkunu żgħar sakemm jikbru.”