Hemm għaqda sħiħa min-naħa Ewropea li l-ftehim ta’ Brexit huwa magħluq u taħt l-ebda ċirkostanza ma jista’ jerġa’ jinfetaħ. Min-naħa l-oħra, qed jitwassal messaġġ li l-Ewropa lesta tkun ta’ għajnuna għall-Gvern u l-poplu Ingliż biex isiru l-kjarifiċi li hemm bżonn.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’kummenti mal-mezzi tax-xandir waqt is-Summit tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell li qed jiddiskuti l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropa.
Dr Muscat qal li ma hu qed jingħad xejn ġdid dwar il-ftehim innifsu imma hemm ir-rieda li jsiru kjarifiċi dwar x’inhuma l-intenzjonijiet politiċi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru semma kif it-Tlieta li għadda l-kabinett iddiskuta l-preparamenti ta’ Malta għall-eventwalità ta’ no deal. Qal li d-dipartimenti differenti ta’ pajjiżna huma mħejjija tajjeb, speċjalment id-dipartiment tad-dwana li jkun fost l-iktar impattati.
Il-gvern se jkun qed jagħti wkoll l-għajnuna tiegħu, permezz ta’ miżuri mħabbra fil-budget, biex kumpaniji li s-suq ewlieni tagħhom huwa dak Ingliż jingħataw għajnuna diretta biex jippjanaw. Filwaqt li l-gvern ma jindaħalx fis-settur privat, l-appell huwa li ħadd ma jeskludi l-possibilità ta’ nuqqas ta’ ftehim u jieħu minn issa l-passi neċessarji. “F’dan il-mument, aħjar taħseb fil-ħażin biex it tajjeb ma jonqosx”, temm jgħid Dr Muscat.