B’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u The Strada Stretta Concept se tittella’ prestazzjoni ta’ għannejja lokali, li se tkun iddedikata għar-rakkont mill-ġdid ta’ stejjer magħrufin minn kulħadd li jikkaratterizzaw l-istorja ta’ Strada Stretta.
Stejjer Stretti Jirxoxtaw, li tifforma parti mill-programm ta’ The Strada Stretta Concept taħt id-direzzjoni artistika ta’ Giuseppe Schembri Bonaci, se tkun qed issir fit-18 ta’ Novembru 2021. Il-prestazzjoni tibda fit-8:00pm u se tkun qed issir f’The Splendid fi Strada Stretta, il-Belt Valletta.
Stejjer Stretti Jirxoxtaw se tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ grupp magħruf ta’ għannejja li jikkonsistu minn Joe Grech ‘tar-Raħal Ġdid’, Anġlu Theuma ‘il-Kina’, Mikiel Cumbo, magħruf bħala ‘L-Iżgej’, kif ukoll il-kitarristi Johnny Saliba ta’ Birżebbuġa u Frans Casha. Il-grupp huwa kkoordinat mill-organizzatur u mill-istage manager Noel D’Amato. Il-mużika folkloristika se tipprovdi ħarsa lejn il-personalitajiet ta’ Marija s-Sewda, il-qassis Nazju Falzon, Corsair Lorenzi, u Caterina Vitale, fost ismijiet u okkorrenzi magħrufa oħrajn assoċjati ma’ Strada Stretta, bħall-ġlieda ta’ Caravaggio u l-qtil taċ-ċkejken Twanny. Dan l-avveniment se jimmarka għal darb’oħra l-parteċipazzjoni tal-għannejja fil-programm ta’ The Strada Stretta Concept, fejn il-prestazzjonijiet preċedenti kienu Battibekki Kontra Dante (2021), Imnalla fl-aħħar ħriġna (2020), Dido (2018), Turandot (2017) u Carmen ta’ Bizet (2016), fost ħafna proġetti oħrajn.
Id-dħul huwa b’xejn, iżda huwa importanti li wieħed jibbukkja, billi jibgħat email fuq info@vca.gov.mt jew ċempel fuq +356 2124 2018.
Dawk kollha li se jattendu għandhom ikunu kompletament imlaqqma, iridu jilbsu maskra u jżommu d-distanza soċjali matul il-preżentazzjoni kollha. Iċ-ċertifikati tal-vaċċin se jiġu skenjati mad-dħul.
Għal aktar informazzjoni fuq l-avvenimenti wieħed jista’ jżur il-paġni ta’ Facebook ta’ The Strada Stretta Concept u tal-Valletta Cultural Agency.