Għanjiet tipiċi tal-Milied bil-Malti dwew ma’ Betlem hekk kif ftit jiem ilu l-kantanta u vjolinista żagħżugħa Maltija, Maria Cini, ħadet sehem fiċ-ċerimonja annwali li fiha, fil-misraħ ewlieni tar-raħal fejn twieled Ġesu, tinxtegħel is-siġra tal-Milied.
Kien hemm atmosfera ta’ ġabra kbira waqt l-interpretazzjoni ta’ ‘Ninni La Tibkix Iżjed’, ‘Fuq Tiben f’Maxtura’, u ‘O Lejl ta’ Skiet’.
Wara din l-esperjenza Maria Cini qalet li kien unur għaliha li tirrappreżenta lil pajjiżha f’post tant sabiħ u qaddis.
Sehem il-mużiċista Maltija f’dan l-avveniment kien possibbli permezz tal-appoġġ mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ għal inizjattiva tal-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Malta fil-Palestina.
Minbarra f’Misraħ il-Maxtura f’Betlem, Maria Cini daqqet u kantat ukoll f’ċerimonji simili f’Beit Sahour u f’Beit Jala. Daqqet ukoll fis-Suq tal-Milied ta Ramallaħ.
L-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Malta ħa ħsieb il-kuntatti u l-arranġamenti kollha meħtieġa mall-muniċipalitajiet involuti filwaqt li l-Konslu Onorarju ta Malta f’Betlem, Elias Alarja, ospita lil Maria Cini fil-lukanda tiegħu, Bethlehem Hotel.