“Huwa kompletament kontra r-regoli għal Membri Ewro Parlamentari jużaw allowances Ewropej għal skopijiet politiċi domestiċi u partiġġjani…każ bħal dan għandu jkun riferut lill-OLAF”.
Hekk stqarr Nick Aiossa, policy officer fi ħdan Transparency International. Aiossa kien intervistat mill-ġurnal internazzjonali Politico, f’artiklu ppubblikat ftit tal-ħin ilu. Ta’ min jgħid li l-OLAF hija l-entità fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea li tinvestiga każijiet ta’ frodi ta’ fondi Ewropej.
L-artklu jġib l-isem “MEPs Maltin akkużati li ffrodaw fondi Ewropej”, b’referenza għal David Casa, Therese Commodini Cachia u Roberta Metsola.
Żvelajna li dawn qed iħaddmu din l-iskema u qed jużaw parti mill-€4,299 li għandhom fix-xahar biex suppost jamministraw uffiċċju fil-kostitwenza. B’hekk il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed idaħħal kemxa tajba fid-Dar Ċentrali.
L-artiklu jfakkar il-passi li ttieħdu fil-konfront ta’ politiċi oħra fl-istess pożizzjoni tal-MEPs Nazzjonalisti, akkużati b’għemil simili. Fosthom Morten Messerschmidt mid-Danish People’s Party u Marine Le Pen mill-Front Nazzjonali Franċiż.
“Kull fejn hemm allegazzjonijiet li hemm xi ħaġa ħażina, l-amminsitrazzjoni se tivestiga” qalet Marjory van den Broeke, kelliema għall-Parlament Ewropew.
Żgur mhux “każ magħluq”, kif qal li hu Simon Busuttil.