It-tifel tat-twelid li seraq il-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin kollha ingħata l-isem ta’ Cristiano mill-Maġistrat Inkwirenti Joe Mifsud.
Hu mifhum li l-Maġistrat ta l-isem għat-tifel bil-għan li jkollu ħajja ta’ suċċess, hena, u mħabba bħal dik tal-plejer Juventin, Cristiano Ronaldo. Dan apparti li t-tifel twieled nhar is-7 ta’ Settembru, in-numru li bih jilgħab Cristiano Ronaldo.
Madakollu kienu bosta li oġġezzjonaw għal dan id-deċiżjoni fosthom, it-terapista tal-familja Charles Azzopardi li fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook qal li isem it-tifel għandu jinbidel għax jista’ jibqa’ ttimbrat bħala tifel mormi f’parapett.
“Anke tarbija għandha d-dritt għall-privatezza”, sostna Azzopardi, li żied jistaqsi għalfejn dan it-tifel għandu jikber u kulħadd jaf l-istorja tiegħu mingħajr m’għandu għażla.
Intant, il-midja qed tirrapporta li l-omm, li ġiet identifikata lbieraħ, għoġobha l-isem li ngħata lil binha mill-Maġistrat, u allura mhux eskluż li dan jinżamm.
It-tifel bħalissa qed ikun imħares mill-Aġenzija Appoġġ, li offriet kull għajnuna lill-omm ukoll.