Pajjiżna se jaddotta viżjoni ekonomika li toħloq opportunitajiet minn realtajiet ġodda.
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio, jiem wara li l-Gvern nieda l-viżjoni ekonomika tiegħu għall-għaxar snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru spjega kif din il-viżjoni hija msejsa fuq il-prinċipji tal-investiment fin-nies, il-bilanċ u viżjoni ħolistika li taħseb f’kulħadd, u saħaq li l-prinċipji tar-riċetta li ġabet suċċess ekonomiku fl-aħħar snin, mhux se jitwarrbu.
Qal, “A winning horse ma tibdlux, u allura l-prinċipji se jibqgħu l-istess. Dak ewlieni jibqa’ li ninvestu fin-nies imma imbagħad hemm realtajiet ġodda.”
Dr Abela spjega kif biex pajjiżna jkompli jikber ekonomikament, hemm bżonn investiment kontinwu f’kull settur.
Tenna kif għall-kuntrarju ta’ amministrazzjonijiet preċedenti, illum l-infiq fl-infrastruttura qed jitqies bħala investiment dirett f’pajjiżna u niesu.
Spjega, “Ir-realtà hija li għal tant snin l-infrastruttura f’pajjiżna kienet liability. Illum irridu nagħmlu minnha pull factor lejn pajjiżna.”
Il-Prim Ministru nnota kif din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar investiment ta’ mija u sebgħin miljun ewro fl-installazzjoni tat-tieni interconnector, biex pajjiżna jaqbad direttament mal-grid Ewropew b’link diretta ma’ Ragusa fi Sqallija.
Hawnhekk qal li l-limitazzjonijiet tal-ewwel interconnector huma wkoll riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar u viżjoni fit-tul minn Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Jekk tara l-mod ta’ kif il-Partit Nazzjonalista fasslu l-ewwel interconnector, anke fuq livell tekniku nista’ nasal biex nikkritikahom għaliex għamlu interconnector ta’ 200MW meta, u nista’ nkun kritiku u ngħid ma ħasbux għall-futur ta’ dan il-pajjiż, forsi għaliex ma emmnux li l-ekonomija ser tikber.”
Hawnhekk fakkar kif il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern spiċċa għamel bidliet fil-liġi biex pajjiżna jserraħ fuq il-Heavy Fuel Oil, fi żmien meta d-dinja kienet bdiet tinfatam għal kollox minn dan iż-żejt li jħammeġ.
Għall-kuntrarju, Gvern Laburista għandu miri ambizzjużi f’dan il-qasam.
Qal, “Qed inħarsu aħna li eventwalment inmorru lejn hydrogen, mela jmorru għall-Heavy Fuel Oil. Issa tgħidli, mira ambizzjuża li mmorru għall-hydrogen? Dażgur li mira ambizzjuża, imma kellna ħafna miri ambizzjużi. Kellna min daħak bina bil-miri ambizzjużi anke fil-pandemija. Kemm daħku bina meta għamilna targets li huma ċari, imma lħaqnihom u lħaqnihom għaliex konna ambizzjużi.”
Il-Prim Ministru elenka kif anki permezz tal-proġett tas-shore to ship, b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro, bastimenti li jidħlu fil-Port jingħataw sors ta’ enerġija mill-art u mhux jitħallew bil-magni jixegħlu.
B’hekk jitnaqqas it-tniġġis minn dawn il-vapuri b’disgħin fil-mija u tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji li jgħixu fil-madwar.