Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, talbet apoloġija għal każ li seħħ għoxrin sena ilu meta tfajla li kienet taħt il-kura tal-istat, ġiet stuprata tliet darbiet.
Il-mara, li llum għandha ħamsa u tletin sena, ingħatat kumpens ta’ sebgħin elf ewro mill-Qorti Kostituzzjonali.
It-tifla kienet ġiet stuprata meta kellha biss tnax-il sena mir-raġel tas-social worker tagħha. Il-Qorti sabet kif l-FSWS kienet mgħarrfa bil-każ imma ma marritx għand il-Pulizija.
It-tifla reġgħet ġiet stuprata sentejn wara minn żewġ subien u minkejja li wieħed minnhom ammetta l-akkużi, l-FSWS xorta ma marritx għand il-Pulizija.
Id-Direttur għad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, Steve Libreri spjega li minkejja li ħadd mill-membri tat-tim maniġjerali preżenti tal-FSWS ma kien impjegat mal-Fondazzjoni fiż-żmien li seħħ il-każ, xorta nħass il-bżonn li tintalab apoloġija lill-vittma għal dak li esperjenzat u r-riperkussjonijiet ta’ wara.
Qal, “Aħna ma naħsbux li llum wasalna f’sistema li hija perfetta, anzi aħna dejjem nibqgħu nirriċerkaw, nitkellmu mal-peers tagħna, nitkellmu ma’ professjonisti lokalment u barra minn Malta, nibqgħu nitgħallmu biex żbalji li saru fil-passat ma jibqgħux jiġu ripetuti.”
Illum, il-Fondazzjoni tħaddan prattiċi li jobbligaw lill-professjonisti jirrapportaw każijiet bħal dawn.
Bħalissa hawn mal-ħames mitt tifel u tifla taħt il-kura tal-istat, u l-għajnuna tingħata lil’hinn mit-tmintax-il sena.
Qal, “L-esperjenza għallmitna li meta tkun qiegħed fix-xogħol tibda tirrealizza li t-tfal, ma tistax taqbad u tagħlqilhom il-bieb once li jkollhom il-birthday ta’ eighteen. Dan ma rridux ninsew li aħna bħala stat, bħala Fondazzjoni, inkunu ħadna post il-ġenituri ta’ dawn it-tfal għal ħafna żmien allura nkunu nvestejna lilna nfusna anki fuq aspett emozzjonali.”
Libreri fisser l-irwol importanti li għandhom il-professjonisti kollha fil-qasam soċjali, fil-ħajja ta’ dawn it-tfal.
Spjega, “Irridu nifhmu li dawn it-tfal li jkunu f’ħarsien, l-isfortuna tal-ħajja tagħhom hija li kellhom ġenituri li għal xi raġuni jew oħra, jew ma kinux hemmhekk, jew il-pariri li kellhom jagħtuhom ma kinux b’saħħithom u allura dik hija r-responsabbiltà tagħna, li nieħdu post dawk il-figuri li mhumiex produttivi jew kostruttivi jew tajbin u nkunu aħna l-figuri materni u paterni għal dawn it-tfal għal ħajjithom.”