Dalogħdu fiċ-ċentru Laburista tar-Rabat quddiem sala ppakjata bin-nies, il-Prim Ministru tkellem dwar il-konsistenza u kredibbiltà.
Hawnhekk huwa rrefera għall-oppozizzjoni li hawnhekk qabbilha ma’ pinnur li jdur skont minn fejn ikun qed jonfoħ ir-riĦ. Il-Prim Ministru rrefera għall-maltempata li ħakmet lill-pajjiżna din il-ġimgħa u fakkar kif qabel il-maltempata il-Partit Nazzjonalista kien kontra l-mina, waqt il-maltempata kien favur u wara reġa ġie kontra.
Hawnhekk Dr Muscat tenna l-impenn tal-Gvern Laburista li jkollna link permanenti bejn Malta u għawdex.
Tkellem ukoll dwar l-inkonsistenza tal-oppożizzjoni fejn jidħol il-qasam tant importanti tal-ugwaljanza.
Hawnekk Dr Muscat spjega li fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista għadu ma ħax pożizzjoni dwar leġislazzjoni tant importanti li qed tiġi diskussa.
Tkellem ukoll dwar l-inkonsistenzi ta’ Adrian Delia u l-PN fl-oqsma tal-immigrazzjoni u l-iżvilupp. Hawnhekk fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li rreveda l-akwati msejħa bħala ODZ fejn taħt l-aħħar Gvern tiegħu naqqas iż-żoni ODZ.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-kwistjoni li nqalgħet din il-ġimgħa fil-Qorti. Hawnhekk il-Prim Ministru spjega li kieku Keith Schembri xehed fil-miftuħ f’kawża tal-libell kien se jkun qed ipoġġi l-inkjesta fi preġudizzju. Għalhekk Keith Schembri u l-avukati tiegħu ħadu l-aħjar deċiżjoni meta rraġunaw li l-inkjesta hija aktar importanti mill-kawża ta’ libell. Fakkar ukoll li Keith Schembri kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet kollha li qed isirulu mill-Maġistrat fl-inkjesta.
Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tieghu billi tkellem ukoll dwar l-importanza fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja.
Huwa semma li l-Gvern irid li f’dan il-Milied il-poplu jkollu aktar flus fil-but u fakkar kif minn Jannar li ġej il-penzjonanti se jollhom żieda ta’ €7 u persuni b’diżabbiltà se jkunu qed jieħdu ż-żieda kollha li tixirqilhom.