“B’mod responsabbli kunfidenti, id-diskussjoni tista’ twassal għal xi deċiżjonijiet. Tkun kisba tajba għalina u nkunu tajna riżultati tanġibbli.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, waqt il-programm Bil-Fatti fuq ONE.
Dr Borg qal il-fatt li Malta, billi aċċettat li tmexxi din l-organizzazzjoni tul din is-sena, ma ħallietx l-organizzazzjoni tmut, diġà huwa riżultat kbir għal pajjiżna.
Huwa spjega li r-regoli tal-organizzazzjoni jitolbu li mingħajr Chairperson, kien ikollha xxolji.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-OSCE hi magħmula minn sebgħa u ħamsin pajjiż, b’kull wieħed ikun awtomatikament mistieden, anki għal-laqgħa Ministerjali li se ssir f’pajjiżna.
Dwar rapporti fil-midja lokali li d-delegazzjoni Pollakka mhux se tattendi minħabba li f’pajjiżna se jkun hawn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, id-Deputat Prim Ministru qal li d-delegazzjoni Pollakka se tkun hawn.
Intqal li formalment fil-laqgħat tal-OSCE ħadd ma oġġezzjona b’mod formali li se jiġi Malta, bħal ma’ ħadd oġġezzjona li r-Russja tmur il-laqgħa tal-Ġnus Magħquda.
“Għandna lkoll opportunità, li kellna fil-Kunsill tas-Sigurtà, f’Settembru li għadda ġewwa New York, fejn ngħidulu waqqaf din il-gwerra, fejn ngħidulu x’inhu l-pjan għall-paċi, jekk hux tal-President Zelensky, jekk hux ta’ pajjiżi oħrajn li qegħdin iressqu ’l quddiem l-aġenda tal-paċi.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg