Jum biss wara li f’Malta rajna storja mil-isbaħ ta’ mħabba fejn koppja tal-istess sess għall-ewwel darba ingħatat id dritt li taddotta, fejn rajna ritratt li nissel tbissima fost kull min rah.
Wara li rajna grupp li kienu qed jipprotestaw f’isem Black Lives Matter jiltaqa’ ma’ grupp li kien qed jipprotesta f’isem All lives Matter, ilbieraħ f’Dallas iħaddnu lill xulxin f’tgħanniqa ġenwina, u kif waslu l-pulizija lkoll qabdu id xulxin u talbu flimkien minkejja t-tensjoni kbira li hemm bħalissa.
Wara li personalment wasalt lura minn erbat’ijiem esperjenza f’festival tal-mużika fejn esperjenzajt imħabba fuq livell li qatt ma ħassejtu qabel. Kulħadd magħqud ferħan u seren għall-imħabba u għall-istess ħaġa. Il-mużika li tant tgħaqqad lill umani minn kull rokna tad-dinja.
Wara tant pożittività, tant ferħ u tant sbuħija ‘lbieraħ qabel irqadt rajt l-ewwel rapporti dwar l-inċident li seħħ f’Nizza. Qed nirreferi ghalih bhala inċident għax kien għadu mhux konfermat li kien fil-ftatt attakk u onestament, ma tajtx wisq każ.
Qomt ixxukjata b’messaġġ mingħand ħabib jistaqsini smajtx bl-orrur li għal darb’oħra laqat lill-umanitá.
Mingħajr ma rrid nistaqsi: Hija din id-dinja li verament irridu ngħixu fiha?
Hekk kif ninsab f’punt f’ħajti fejn personalment qed infittex xi tfisser il-kuntentizza
għalija, ma nistax ma nistaqsix, kif jista’ jkun hawn persuni li attakk bħal dan iwassal biex ikunu kuntenti?
Ġieli nipprova inpoġġi lili nnifsi fiż-żarbun ta’ terrorist. X’qed jiggwadanja mid-dmija?
Dmija ta’ umani bħalhom, dmija ta’ ħuthom bnedmin bħalhom. Dmija ta missirijiet, ommijiet, aħwa, zijiet, nanniet, kollegi, persuni li jfissru kollox ghall dawk għeżież għalihom.
Dmija ta’ persuni li kellhom opportunitá jwettqu l-ħolm tagħhom, opportunità mormija f’isem il-mibgħeda.
Jiddispjaċini u nħoss sogħba kbira f’qalbi meta naħseb kif fis-sena 2016, wara tant kisbiet fi xjenza, avvanzi kbar f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tagħlim u xorta għadna nsibu bnedmin li joqtlu għal-raġunijiet li ma nifhmux.
It-telf ta’ ħajja hija l-ikbar weġġa’ u l-akbar sfida li jħabbtu wiċċhom magħha l-ħajjin. Sfidi lkoll ikollna naffaċjaw u li nagħmlu paċi magħha hija waħda mill-aktar affarijiet diffiċli għall-bniedem.
Minkejja li lkoll ninsabu xxukjati, ma rridux inħallu l-emozzjonijiet inizzjali ta’ rabja jew biża’ jirbħulna. Irridu niftakru f’dak li jgħaqqadna.
U fl-aħħar mil-aħħar m’hemm xejn li jgħaqqadna aktar mill-imħabba.
Il-mibgħeda ma tista’ qatt tirbaħ fuq l-imħabba.
U dan bil-provi. Provi li nsibuhom fil-kotba tal-istorja.
Il-ħajja sabiħa fis-sempliċità. Ingawduha flimkien.