“Għandna nirrikonoxxu l-kwalitajiet tajba li għandna bħala poplu.”
Dan intqal mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono fl-ewwel diskors tagħha f’Jum ir-Repubblika fil-presidenza tagħha.
“Nitlobkom issawtuwx lilna nfusna żżejjed, għandna ħafna fuq xiex nibnu tajjeb. U għandna nirrikonoxxu l-kwalitajiet tajba li għandna bħala poplu.”
Il-President Myriam Spiteri Debono
Hija tkellmet dwar kif minn ħamsin sena ilu, meta Malta saret Repubblika, pajjiżna żviluppa ħafna ’l quddiem.
Fid-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono semmiet numru ta’ kisbiet li għamel pajjiżna.

Semmiet kif pajjiżna huwa mogħni b’poplu bieżel, reżiljenti u li jaf ikun dixxiplinat u hawnhekk semmiet l-eżempju tal-pandemija.
“Il-mod kif milqut mill-pandemija, il-poplu wera ruħu dixxiplinat u flimkien mat-tmexxija abbli tal-awtoritajiet, kien strumentali biex il-pandemija ma kedditx lill-poplu tagħna bl-istess mod li ġara f’pajjiżi oħra.”
Il-President Myriam Spiteri Debono
Il-President Myriam Spiteri Debono tkellmet fuq is-settur turistiku, li fi żmien tliet snin wara l-pandemija, in-numri ta’ turisti wara l-pandemija ssaħħew u qabżu l-ammont tal-2019.
“Għal snin twal, pajjiżna kien mifni minn nuqqas ta’ xogħol. Il-bżulija u r-reżiljenza ta’ amministrazzjonijiet suċċessivi ħolqu niċeċ ġodda ta’ investiment, u f’dawn l-aħħar snin ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna naqset drastikament.”
Il-President Myriam Spiteri Debono
Semmiet kif Malta għandha kredibilità internazzjonali, fil-messaġġ tagħha ta’ paċi, tant li din is-sena, Malta kellha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa.
Il-President Spiteri Debono qalet li l-ugwaljanza, partikolarment bejn in-nisa u l-irġiel, imxiet ’il quddiem, b’miżuri li ddaħħlu u li waslu għal aktar nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fil-qasam tad-drittijiet ċivili, il-President qalet li f’dawn l-aħħar disa’ snin konsekuttivi, pajjiżna baqa’ fl-ewwel post tal-Europe Rainbow Map.
Fid-diskors tagħha, il-President appellat biex ma ssirx pressjoni fuq il-Qorti, il-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li huma importanti fil-qasam ġudizzjarju.
Waqt li sellmet il-Presidenti preċedenti, il-President Spiteri Debono fakkret it-tibdil Kostituzzjoni li sar taħt din l-amministrazzjoni, li din is-sena waslet biex hi ntgħażlet b’mod unanimu mill-Parlament.