Fi Tripli, fl-ewwel konferenza għall-istabbiltà fil-Libja li qatt saret fl-aħħar għaxar snin, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-komunità internazzjonali għandha tgħin lill-poplu Libjan jibni dar mill-ġdid. Għal din il-konferenza attendew 30 delegazzjoni, inklużi 23 Ministri tal-Affarijiet Barranin minn pajjiżi Ewropej, Għarab, Afrikani, mill-Istati Uniti, mir-Russja, mit-Turkija u min-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-konferenza kienet organizzata mill-Gvern Libjan ta’ Għaqda Nazzjonali hekk kif f’dan il-pajjiż, qed isiru t-tħejjijiet għal elezzjoni ġenerali f’Diċembru li ġej. Il-komunikat finali tal-konferenza saħaq dwar il-ħtieġa għal elezzjonijiet trasparenti, ġusti u inklussivi fil-Libja.
Il-Ministru Bartolo qal li għal kważi seba’ miljun Libjan, il-Libja hi d-dar imfarrka tagħhom fejn żewġ terzi jgħixu taħt il-linja tal-faqar, terz huma spostati, eluf ta’ djar flimkien ma’ skejjel u sptarijiet meqruda u nuqqas ta’ provvista konsistenti ta’ elettriku u ilma. Dan minkejja li l-Libja hi fost l-aktar pajjiżi sinjuri fil-Mediterran.
Il-Ministru Bartolo saħaq li l-Libja trid tinbena mill-ġdid, mil-Libjani u għal-Libjani, imma biex jagħmlu dan, il-Libjani jridu jsibu modi kif jgħixu u jaħdmu flimkien. Il-firdiet tal-Libjani jgħinu lil dawk il-Libjani u lill-barranin li jridu li l-Libja tibqa’ mhux governabbli biex ikunu jistgħu jisfruttawha fl-interessi tagħhom stess. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm rikonċiljazzjoni fost il-Libjani. u l-għedewwa tal-bieraħ u tal-lum iridu jsiru l-imsieħba ta’ għada.
Huwa sostna li huwa importanti ferm li jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari, imma dawn waħedhom mhumiex is-soluzzjoni. Iżda fl-istess waqt, mingħajrhom is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar peress li mhux se jkun hemm awtorità leġittima fil-Libja u se ssir saħansitra aktar ingovernabbli li tagħmilha impossibbli li jgħaqqdu istituzzjonijiet militari, finanzjarji u politiċi nazzjonali li mingħajrhom ma jkunx hemm stabbiltà.
Il-Ministru Bartolo sostna li l-ewwel pass huwa l-irtitar tal-merċenarji. Il-Ministru Bartolo kompla jgħid li n-Nazzjonijiet Magħquda għandha tmexxi dan l-irtitar. Din għandha tingħata l-appoġġ meħtieġ sabiex dan l-irtirar ikun immaniġġjat tajjeb f’kull stadju, u biex dawn il-merċenarji ma jmorrux f’pajjiżi kollha. Għalhekk, l-irtirar tal-preżenza militari barranija kollha jeħtieġ li jsir b’mod gradwali, inkrementali u verifikabbli u realistikament jieħu aktar żmien biex jitwettaq.
Ritratti (MFEA)