F’messaġġ qasir fuq il-midja soċjali il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dr Alex Agius Saliba Agius Saliba tkellem fuq kif permezz tal-avvanzi teknoloġiċi, l-ekonomija u l-industrija globali inbidlu u evolvew drastikament, tant li dan wassal għal bidliet fin-natura tal-impjiegi.
Huwa qal li din il-bidla kellha impatt kbir fuq il-ħaddiema u li permezz ta’ għodod teknoloġiċi bħat-telefonija ċellolari u l-ittri elettroniċi, kull ma jmur id-distinzjoni bejn il-ħajja personali u l-ħajja tax-xogħol dejjem qegħda tintilef.
Dr Agius Saliba tenna li ta’ kuljum, diversi ħaddiema Maltin u Għawdxin qegħdin jitkellmu dejjem aktar fuq il-bżonn li jiżdied il-ħin ta’ kwalita’ mal-familji tagħhom. B’reazzjoni għal dan is-sentiment, Agius Saliba qal li hu jemmen li dan huwa dritt fundamentali u li bħala pajjiż għandna naraw li noffru din il-protezzjoni lill-ħaddiema tagħna. Għaldaqstant huwa tkellem fuq il-ħtieġa li jitmexxew ‘il quddiem proposti kontemporanji bħal dik tar-Right to disconnect biex il-liġi tax-xogħol Maltija tiġi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum, fejn fi ftit kliem spjega kif dan il-kunċett legali joffri lill-ħaddiema garanzija li wara l-ħin tax-xogħol, hekk kif stabbilit fi ftehim ma’ min iħaddem, ma jkunux obbligati jibqgħu jaħdmu minn djarhom. Agius Saliba saħaq li dan huwa pass ieħor importanti li Malta għandha tagħmel fil-mixja favur aktar work-life balance.
Il-kandidat Laburista ser ikun qiegħed jisħaq aktar fuq il-bżonn ta’ dan id-dritt fejn fost l-oħrajn fil-jiem li ġejjin ser ikun qiegħed jiltaqa’ ukoll ma’ partijiet ikkonċernati fosthom għaqdiet tal-ħaddiema u għaqdiet ta’ min iħaddem. Dr Agius Saliba temm jgħid li fuq livell Ewropew hemm bżonn li jiġu mressqa aktar proposti ta’ din ix-xorta u qal li fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Ewropej, dan huwa parti mix-xogħol li jixtieq jiffoka fuqu jekk jingħata l-fiduċja u jintagħżel biex jirrappreżenta lil Malta fil-Parlament Ewropew.