L-għajnuna għal dawk f’diffikulta qiegħda kulma jmur tiżdied, iżda din tista tkun aċċessibbli b’mod iktar faċli jekk entitajiet responsabbli jinvestu iktar fi proġetti teknoloġiċi.
Dan kien wieħed mill-messaġġi li ħareġ waqt seminar bit-tema kellimni.com, proġett maħsub biex persuni b’diffikultajiet ikollhom fejn jiftħu qalbhom u jitkellmu dwar professjonisti fuq dak li jkunu qed jiffaċjaw.
Kim Dalli, maniġer tal-Fondazzjoni Vodafone, li hija sieħeb tas-sit kellimni.com mhux biss tkellmet dwar l-importanza tiegħu iżda wkoll ta’ proġetti ġodda.
Bħal dawk fejn il-fondazzjoni taħdem kontinwament ma’ entitajiet biex ikunu żviluppati apps li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ persuni b’diżabilita, tfal b’diffikulta biex jitkellmu, u oħrajn.
Fi kliemha, “hemm ħafna iżjed proġetti li jistgħu jużaw din it-teknoloġija. Aħna għandna l-fondi imma mhux dejjem insibuha faċli dqs kemm xtaqna li nsibu project partners biex jaħdmu magħna b’dan il-mod”.
Il-proġetti maħsuba għal sezzjonijiet partikolari tas-soċjetà diġa’ qed isiru f’pajjiżi oħra. B’eżempju ikun dak fejn wieħed jista jsejjaħ għall-għajnuna f’każ ta’ vjolenza domestika billi ċċaqlaq il-mobile li jkollu l-app apposta.
“Dawn huma servizzi li jintegraw entitajiet differenti per eżempju anke lill-Pulizija jew servizzi oħrajn ta’ emerġenza; huwa jħares b’mod ħolistiku. Ovvjament ġo vacuum inti ma tistax taħdem, allura vera nixtiequ ħafna iżjed partners biex naħdemu għal ġid tal-komunità.”
Kellimni.com huwa r-raba’ sit elettroniku fid-dinja li joffri servizzi ta’ councelling liż-żgħażagħ permezz ta’ sit elettroniku u app.
Kull ma jmur, kellimni se jibqa’ jespandi l-orizzont billi minn Jannar li ġej ikun disponibbli 24 siegħa kuljum b’ councellors mħarrġa biex jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ u jkollhom preżenza aktar b’saħħitha online.