Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, jgħid li mhux imdejjaq bis-sitwazzjoni fil-partit għax, skont hu, għandu l-għażliet. Din kienet ir-reazzjoni tiegħu għall-fatt li ħadd mill-grupp parlamentari tiegħu stess ma kien lest joqgħod Viċi Kap tiegħu.
Tradizzjonalment, il-kariga numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista kienet tiġbed interess kbir. Fiha servew politiċi ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, iżda illum ħadd mill-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni ma kien lest jitfa’ ismu biex iservi fiha.
Bernard Grech qed jipprova jagħti l-impressjoni li din ftit li xejn għamliltu differenza.
Ġurnalist: “Dejqitek li ħadd mill-Grupp Parlamentari ma ried joqgħod Viċi Kap tiegħek?”
Bernard Grech: “’Qas xejn… għandna l-għażliet.”
Il-verità, iżda, hi li fid-Dar Ċentrali kien hemm tħassib mhux żgħir fuq il-fatt li ħadd ma kien interessat.
Alex Perici Calascione, li s-sena li għaddiet tneħħa minn kariga fl-eżekuttiv biex, kif ingħad, il-Partit Nazzjonalista jiġġedded, esprima l-interess fl-aħħar nofs siegħa biex hekk għall-inqas il-partit kellu kandidat wieħed. Dak li ta ċ-ċans biex fil-Partit Nazzjonalista jidħlu nies ġodda, issa se jieħu t-tieni l-ogħla kariga wara l-ikbar telfa elettorali. Iżda Bernard Grech m’għandu ebda spjegazzjoni għal dan in-nuqqas ta’ interess fil-partit u, minflok dawwar l-attenzjoni fuq il-Partit Laburista.
Ġurnalist: “Ma weġibtnix l-ewwel. Dejqek il-fatt li ħadd mill-Grupp Parlamentari ma tefa’ ismu?”
Bernard Grech: “Lanqas xejn ma jdejjaqni. Mela intom taħsbu li l-affarijiet isiru kif jaħsbu biss il-Partit Laburista?”
Ġurnalist: “Kif isiru?”
Bernard Grech: “Għandna bieb miftuħ kif isiru l-affarijiet.”